Edukazzjoni Lokali

Bżonn ta’ pjan fit-tul għall-Edukazzjoni wkoll

Anke fl-Edukazzjoni, meta nagħmlu pjan, għandna naraw li dan ikun fit-tul – mhux leġislatura waħda, iżda saħansitra sa 20 sena wara. U dan għandna nagħmluh bi djalogu soċjali għax irridu naraw li uliedna jirnexxu lkoll.

Hekk qal is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista u Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni Clyde Puli waqt Konferenza Nazzjonali organizzata mill-Union tal-Għalliema (MUT) biex jitfakkar id-99 anniversarju mit-twaqqif tal-għaqda.

Clyde Puli qal li hu interessanti kif din il-Konferenza nżammet propju fil-Jum Internazzjonali tat-Tfal, li huma l-mimmi ta’ għajnejn kull ġenitur. Dan aktar u aktar meta l-istess ġenituri jħallu dawn il-ġawhar tagħhom f’idejn l-Għalliema.

Min-naħa l-oħra, qal li l-MUT mhix sempliċiment Union tal-Għalliema, iżda organizzazzjoni professjonali magħmula minn grupp ta’ professjonisti. Hu rrikonoxxa wkoll il-fatt li l-MUT tfittex li l-membri tagħha jiddistingwu ruħhom bid-dedikazzjoni, il-vokazzjoni u l-missjoni f’xogħolhom.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni qal li fl-aħħar snin, Malta għamlet avvanzi kbar fil-kwalità tal-Edukazzjoni. Iżda dan m’għandux iħallina ndawwru wiċċna mill-isfidi li jiltaqa’ magħhom dan is-settur.