Internazzjonali

Għexieren ta’ mejtin fi splużjoni oħra fl-Afganistan

Mietu tal-anqas 40 persuna b’kaġun ta’ splużjoni ġo sala fejn kienet qed issir laqgħa għall-iskulari reliġjużi f’Kabul, il-kapitali tal-Afganistan.

Fl-isplużjoni — waqt avveniment biex ifakkar għeluq snin il-Profeta Muhammad, il-fundatur tal-Islam — indarbu wkoll mas-60 persuna, b’kollox qed jindika li l-attakk twettaq minn aggressur suwiċida.

Il-moviment militanti tat-Taliban u t-terroristi tal-ISIS, fl-aħħar xhur, wettqu diversi attakki bil-bombi regolari fl-ibliet tal-Afganistan. L-aħħar rapporti minn Kabul qalu, intant, li ċ-ċifra tal-vittmi, f’dan il-każ, ‘hi l-agħar waħda fost l-aħħar sitwazzjonijiet ta’ terrur fil-kapitali’. Dan meta mifhum li kien hemm mal-1,000 persuna fis-sala fil-ħin tal-isplużjoni.

Għalissa ħadd ma assuma responsabbiltà għal dan l-attakk faħxi f’pajjiż fejn l-imwiet ta’ ċivili laħaq livelli rekord.