Lokali

FILMAT: Ħajt ta’ silenzju mill-MFSA dwar is-saga tas-Satabank

“Ma ħallastx lill-impjegati tiegħi.  Jekk ma jirrlixxawlnix flusna fil-jiem li ġejjin, ma jkollniex triq oħra ħlief li nżarmaw u nieħdu xogħolna pajjiż ieħor.”

Kien dan kliem Erik Simon, sid tal-kumpanija Cview Studios – kumpanija ta’ graphic designers għal logħob ta’ console games li għandħa flusha ffriżati fil-kontijiet tas-Satabank.

Erik Simon qal lil Net News li hu jifhem l-importanza li l-banek ikunu taħt skrutinju u li l-MFSA trid tagħmel xogħolha, iżda kellu kliem iebes fil-konfront tal-istess MFSA u l-mod kif aġixxew f’dan il-każ. Hu kompla jgħid li jekk hemm xamma ta’ ħasil ta’ flus f’bank li għandu numru ta’ kontijiet, l-MFSA ma tistax tpoġġi -kontijiet kollha f’keffa waħda.

Simon kompla jgħid li kumpanija żgħira bħal tiegħu, b’kontijiet u flus limitati li żgur ma jqanqlux suspett ta’ ħasil ta’ flus, qed ikunu ttrattati bl-istess mod li qed jiġu ttrattati kontijiet ferm akbar. L-istess qed jiġri b’kontijiet ta’ impjegati li qed jiġu mċahhda minn flushom mill-MFSA mingħajr l-ebda indikazzjoni dwar meta se jkunu jistgħu jaċċessaw flushom.

L-MFSA ilhom kważi xahar li ffriżaw il-kontijiet kollha ta’ Satabank fost raġunijiet oħra minħabba li l-bank kiser liġijiet relatati mal-immaniġġjar tar-riskju , u minkejja l-wegħda li se tkun qed taġġorna lill-klijenti ta’ Satabank kull ġimgħa bl-iżviluppi li qed iseħħu, l-MFSA naqset li tagħmel dan.

Intant, tentattivi biex jinfetħu kontijiet oħra bankarji mill-klijenti ta’ Satabank irriżultaw fix-xejn hekk kif il-banek lokali rrifjutaw li jagħmlu. Riżultat ta’ dan, kumpaniji li għandhom flushom maqbuda u qed ikunu ffaċċjata biss b’ħajt ta’ silenzju, qed jaqtgħu qalbhom li s-sitwazzjoni se tiġi riżolta fil-futur qarib.