Internazzjonali

Il-Brexit: Pressjoni tad-DUP fuq May fost it-tensjoni ma’ Spanja

Il-Kabinett tal-Prim Ministru tar-Renju Unit, Theresa May, iltaqa’ f’Londra għall-ewwel darba mindu rriżenjaw żewġ membri minħabba l-ftehim ta’ May għall-irtirar tal-pajjiż mill-Unjoni Ewropea.

Għalkemm May, għalissa, ma tidhirx f’periklu li titneħħa permezz ta’ vot mid-deputati tal-Partit Konservattiv, hi xorta waħda qed tiffaċċja ‘taqlib’ mill-Partit Democratic Unionist (DUP) li l-għaxar deputati tiegħu qegħdin iżommuha fil-Gvern.

Id-DUP astjena fl-aħħar vot dwar il-baġit bħala ‘twissija lil May dwar il-wiegħdiet miksura dwar il-Brexit’. Taħt it-termini tal-ftehim mad-DUP fil-House of Commons ( wara li Theresa May kienet tilfet il-maġġoranza fl-aħħar elezzjoni ġenerali) dan il-partit tal-Irlanda ta’ Fuq kien impenja ruħu biex jappoġġja lill-Gvern fil-voti dwar il-baġit.

Iżda kelliema għad-DUP qalu li l-ftehim ta’ May ma’ Brussell rigward il-Brexit qed jikser il-garanzija li l-Irlanda ta’ Fuq ma tisseparax mill-bqija tar-Renju Unit u b’hekk, id-deputati tal-partit astjenew mill-vot biex juru li mhumiex kuntenti bis-sitwazzjoni.

Hemm ukoll sinjali ta’ tensjoni fuq in-naħa tal-UE, bi Spanja tgħid li mgħandhiex taqbel dwar l-abbozz tal-ftehim għall-Brexit dment li ma jkunx ċar kif għandhom jitmexxew it-taħditiet dwar l-istatus futur ta’ Ġibiltà.

Il-Prim Ministru Spanjol, Pedro Sanchez, qal li Spanja lesta tiċħad il-ftehim mingħajr din il-kjarifika, bl-Ispanjoli qed jinsistu dwar id-dritt fuq il-penisola ta’ Ġibiltà li kienet għaddiet lill-Britanniċi taħt it-Trattat ta’ Utrecht tal-1713. Intant, Spanja tgid taċċerta li t-taħditiet futuri bejn l-UE u Londra bl-ebda mod ma jkopru l-kwistjoni ta’ Ġibiltà.