Lokali

Il-Gvern ipprova jżomm mistura informazzjoni ta’ interess nazzjonali dwar 17 Black u l-qtil ta’ Caruana Galizia

Illejla jkompli l-Kunsill Ġenerali tal-PN b'laqgħa f'Ħal Balzan

“Wara li nsistejt fil-Parlament u għamilt il-mistoqsijiet, il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Ministru Owen Bonnici kellhom jgħidu l-verità u jammettu li tinsab għaddejja inkjesta dwar il-kumpanija misterjuża 17 Black. Kieku ma għamiltx dawn il-mistoqsijiet kienu se jżommu kollox mistur u moħbi.”, hekk stqarr il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta kien qed jindirizza l-attivisti tal-PN f’Ħal Luqa.

Adrian Delia qal li fil-Parlament staqsa lil Joseph Muscat jekk kienx se jagħmel stqarrija ministerjali wara li l-midja rrappurtat li tinsab għaddejja inkjesta dwar il-kumpanija 17 Black f’Dubaj, u kif ukoll li hawn żviluppi ġodda relatati mal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Huwa qal li Joseph Muscat ma kellux risposta u minflok kellu jdur lejn il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici biex iwieġeb għalih u jgħid li tinsab għaddejja inkjesta. Adrian Delia qal li kieku ma għamilx il-mistoqsijiet, il-Gvern kien se jżomm din l-informazzjoni mistura mill-poplu.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li Ministru għall-Intern Michael Farrugia għażel li jitkellem fuq żviluppi relatati mal-qtil ta’ Caruana Galizia wara li ġie mistoqsi mill-midja internazzjonali, minflok informa lill-Parlament mal-ewwel. Dan meta din hija materja sensittiva u ta’ interess nazzjonali. Adrian Delia qal li fuq dan is-suġġett ukoll il-Prim Ministru ma kellux xi jgħid.

Adrian Delia qal li wara sagħtejn diskussjoni, ħadd mill-kelliema tal-Gvern ma semmew x’inhi r-relazzjoni li Keith Schembri u Konrad Mizzi għandhom mal-kumpanija 17 Black f’Dubaj. Dan wara li l-ġimgħa li għaddiet, il-Kap tal-Oppożizzjoni ressaq mozzjoni urġenti fil-Parlament sabiex issir diskussjoni dwar ir-rivelazzjonijiet ġodda fuq 17 Black. Huwa qal li dawn huma kwistjonijiet importantissimi għar-reputazzjoni ta’ Malta u għalhekk il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jagħmel il-mistoqsijiet u se jibqa’ jiġġieled il-korruzzjoni.