Lokali Parlament

Il-Gvern u l-awtoritajiet kompliċi fl-isfreġji ambjentali

– Robert Cutajar, PN

Id-deputat tal-PN Robert Cutajar qal li l-ambjent u l-iżvilupp jistgħu jgħixu flimkien iżda llum min hu b’saħħtu jħawwel bil-MEPA u l-Awtorità tal-Ippjanar kompliċi fejn qed jittieħdu deċiżjonijiet kontra l-interess nazzjonali. Hu qal li qed ikun hemm każi fejn nies interessati jkunu jafu bil-mistoqsijiet parlamentari li jagħmlu d-deputati Nazzjonalisti qabel dawn ikunu mwieġba.

F’dibattitu parlamentri dwar l-ambjent Robert Cutajar appella lill-Ministru Konrad Mizzi biex jippreżenta r-rapporti tan-nies tekniċi dwar l-estenzjoni tal-Bajja tal-Għadira għax ma kinx hemm proġett wieħed li miss miegħu Konrad Mizzi li ma nħoloqx dubju dwaru.

Dwar il-Palazz u l-Lukanda ta’ Selmun, Robert Cutajar qal li kollox qed jibqa’ mistur u miexi bil-lajma f’din iż-żona protetta li fiha m’għandux ikun tollerat sfreġju ambjentali. Hu qal li l-kunsilli lokali qed jappellaw dwar il-pompi tal-petrol iżda ħadd hu jagħti kashom. In-nies li huma kompliċi f’dawn l-isfreġju jridu jħallsu kont ta’ għemilhom. Il-bilanċ spiċċa.

Id-deputat Nazzjonalista tkellem dwar it-toroq u qal t-twessiegħ tat-toroq mhux soluzzjoni. Hu appella biex fil-Manikata ssir żona pedonali fi pjazza bżonnjuża. Robert Cutajar qal li anki l-esponent Laburista Sandro Craus jidher li se jibda kampanja biex is-Saqqajja tkun salvata. Hu qal li l-awtoritajiet ma tawx kas il-petizzjoni li saret fil-Mellieħa waqt li tbiddlet il-policy biex il-bini seta’ jitla’ għal 8 sulari.

Robert Cutajar qal li l-Gvern m’għandux ikompli jkisser il-karatteristiċi tal-lokalitajiet u kkritika l-bini ogħli li qed isir. Hu tkellem dwar il-Qawra u x-Xemxija fejn il-bini qed ikompli tiela’ bl-addoċċ waqt li se jinbnew 500 appartament fejn kienet it-Trade Fair fin-Naxxar. L-Awtorità tal-Ippjanar għandha tagħmel studju dwar l-impatt tat-traffiku fuq din iż-żona. Jeħtieġ li jitpoġġew CCTV fiż-żoni protetti biex ikun evitat rimi ta’ skart u ħsarat oħra. Għandu jsir studju dwar l-impatt fuq il-lokalità tan-Naxxar.

Hu semma’ l-Qawra u Buġibba u qal li l-Gvern għandu jppoġġi iktar uffiċjali fil-lokalitajiet biex ma jkunx hemm rimi ta’ skart. Hu kkritika lill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa li naqqas il-bring in sites fil-lokal flok sab soluzzjonijiet oħrajn.