Futbol Sport

Il-Portugall tibqa’ mhux megħluba fi Grupp A3 tal-UEFA Nations League

(Ritratt: EPA)

Il-Portugall u l-Polonja spiċċaw fi draw ta’ 1-1 fl-aħħar partita minn Diviżjoni A tal-UEFA Nations League. Qabel din il-logħba ż-żewġ nazzjonijiet kienu jafu d-destin tagħhom hekk kif il-Portugall kienet diġà rebħet il-grupp u l-Polonja kienet diġà relegata.

Iċ-champions Ewropej marru fil-vantaġġ fl-34 minuta meta minn korner mix-xellug ta’ Renato Sanches, daħal tajjeb ANDRÈ SILVA li skorja b’daqqa ta’ ras fuq it-tieni lasta. Il-Polonja ġabet id-draw fis-66 minuta meta ngħataw penalty, f’azzjoni li fiha tkeċċa Danilo Pereira. Mill-11-il metru ARKADIUSZ MILIK għeleb lil Beto.

L-Iżvezja kisbet il-promozzjoni għal Diviżjoni A wara li għelbet lir-Russja 2-0 biex spiċċat rebbieħa ta’ Grupp B2. Id-difensur VICTOR LINDELOF fetaħ l-iskor fil-41 minuta b’xutt tajjeb mill-kaxxa, u MARCUS BERG irdoppja fit-72 minuta meta skorja mill-viċin.

Minn Grupp Ċ1 l-Iskozja rebħet kontra l-Iżrael 3-2 biex spiċċat fl-ewwel post fil-grupp u għaddiet ukoll għall-play-offs b’ċans li tikkwalifika għal Euro 2020. BERAM KAYAL kien poġġa lill-Iżrael minn fuq wara disa’ minuti, iżda tripletta ta’ JAMES FORREST fl-34, fit-43 u fl-64 minuta dawret ir-riżultat. ERAN ZAHAVI naqqas id-distakk kwarta mit-tmiem iżda ma kienx biżżejjed biex l-Iżrael issalva l-logħba.

Is-Serbja assigurat ruħha li ttemm Grupp Ċ4 fil-quċċata b’rebħa ta’ 4-1 fuq il-Litwanja. Huma fetħu l-iskor fil-51 minuta b’awto-gowl ta’ Arturas Zulpa u rduppjaw seba’ minuti wara permezz ta’ ALEKSANDAR MITROVIC. DEIMANTAS PETRAVICIUS naqqas id-distakk fl-64 minuta iżda s-Serbja għalqet il-logħba b’żewġ gowls ta’ ALEKSANDAR PRIJOVIC U ADEM LJAJIC fi tliet minuti.

Fil-logħba l-oħra mill-istess grupp, il-Montenegro tilfet 1-0 kontra r-Rumanija, b’GEORGE TUCUDEAN jiskorja l-gowl tar-rebħa qabel tmiem l-ewwel taqsima.

Mill-istess grupp ta’ Malta, il-Kosovo aċċertat mir-rebħ tal-grupp wara li għelbet lill-Ażerbajġan 4-0 biex ikkonfermat il-potenzjal tagħha. L-eroj kien ARBER ZENELI li skorja tripletta b’gowls wara żewġ minuti, fil-50 minuta u fis-76 minuta. AMIR RRAHMANI kien għamel l-iskor parzjali 3-0 fil-61 minuta.

Riżultati mill-UEFA Nations League

Diviżjoni A – Grupp 3 – Portugall v Polonja 1-1

Diviżjoni B – Grupp 2 – Żvezja v Russja 2-0

Diviżjoni Ċ – Grupp 1 – Skozja v Iżrael 3-2

Diviżjoni Ċ – Grupp 4 – Montenegro v Rumanija 0-1 , Serbja v Litwanja 4-1

Diviżjoni D – Grupp 3 – Kosovo v Ażerbajġan 4-0 , Malta v Gżejjer Faroe 1-1