“Għandha niproteġu l-persuni li jirrappurtaw ksur tal-liġi, inkluż il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus. Dan huwa fl-interess pubbliku peress li l-flus li jistgħu jiġu investiti f’aktar servizzi tas-saħħa u l-akkomodazzjoni bħalissa qed jiġu misruqa mill-ftit. Din il-liġi tassigura wkoll standards ambjentali u l-protezzjoni tal-konsumatur. Il-vot tal-lum se jagħti lill-whistleblowers protezzjoni adegwata u jirrimedja prattiċi ħżiena fl-istati membri.” Il-Membru tal-Parlament Ewropew Francis Zammit Dimech qal dan wara vot fil-Kumitat għall-Affarijiet Legali dwar leġiżlazzjoni Ewropea dwar il-Whistleblowers.
Zammit Dimech ressaq emendi biex jiżgura li l-persuni li jiżvelaw informazzjoni jikkwalifikaw għall-protezzjoni, fejn dawk in-nies ikollhom raġunijiet validi biex jemmnu li hemm kollużjoni bejn min iwettaq il-ksur tal-liġi u l-awtorità kompetenti jew inkella li dik l-evidenza tista’ tiġi moħbija u meqruda. Dawn l-emendi ġew approvati minn diversi gruppi politiċi.
Zammit Dimech tenna li din il-leġiżlazzjoni hija wkoll kruċjali għall-ġurnalisti investigattivi li kultant iservu bħala intermedjarji jew faċilitaturi fil-proċess. Il-liġi proposta qed titlob li dawk il-faċilitaturi jingħataw protezzjoni mir-ritaljazzjoni. Aktar kmieni, l-EBU (European Broadcasting Union), EFJ (il-Federazzjoni Ewropea tal-Ġurnalisti), EMMA (European Magazine Media Association), ENPA (l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Gazzetti) u NME (News Media Europe) talbu wkoll lill-MEPs biex jiżguraw li d-direttiva dwar il-protezzjoni tal-whistleblowers tiggarantixxi protezzjoni robusta għall-persuni li jagħżlu li jirrikorru għall-midja biex jirrappurtaw atti illegali jew illegali.
Il-Gvern Malti, matul dawn l-aħħar xhur qal li għamel dak kollu li seta’ biex jintroduċi leġiżlazzjoni dwar il-whistleblowers. Madankollu r-realtà hi li din il-leġiżlazzjoni mhi xejn għajr parti minn kampanja ta’ spin li għaddejja mill-gvern. Fil-fatt, il-gvern jipproteġi u jagħti kuntratti lil whistle-blowers li jsaffru s-suffara li jrid il-Gvern. Min-naħa l-oħra, in-nies li jiżvelaw il-korruzzjoni ma jingħatawx protezzjoni. Agħar minn hekk, il-gvern b’mod sistematiku jattakka lin-nies li jidhru bħala whistle-blowers u jipprova jiskreditahom. Din il-leġiżlazzjoni hija għalhekk kontro-miżura għall-prattiċi ħżiena ta’ numru ta’ Stati Membri inkluż Malta. Il-korruzzjoni għandha impatt mhux biss fuq ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna iżda fuq ħajjitna billi l-flus li jintefqu fuq l-infrastruttura, il-proġetti, is-servizzi tas-saħħa jidħlu fil-bwiet tal-ftit.
Aktar kmieni din is-sena, il-Kumitat responsabbli mill-Midja adotta wkoll ir-rakkomandazzjoni ta’ Zammit Dimech biex tissaħħaħ il-leġislazzjoni dwar il-kxif ta’ l-abbużi. Ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu kienu jinkludu d-dritt ta’ appell, protezzjoni ta’ intermedjarji inklużi ġurnalisti u żvelar pubbliku. Dawn il-proposti ġew addottati wkoll fil-Kumitat tal-Affarijiet Legali.
//= $special ?>