MALTA…………………….. 1 GŻEJJER FAROE…….. 1
Malta: A. Hogg, J. Mbong, Z. Muscat (J. Caruana 66’), A. Agius, S. Borg, C. Failla (K. Nwoko 80’), R. Muscat, P. Fenech, J. Corbalan (J. Zerafa 78’), A. Schembri, M. Mifsud
Gżejjer Faroe: G. Nielsen, G. Rolantsson, S. Nattestad (O. Faeroe 83’), A. Gregersen, V. Davidsen, B. Hendriksson, J. Thomsen (K. Olsen 75’), H. Vatnsdal, R. Joensen, H. Hansson, S. Vatnhamar (K. Bartalsstovu 67’)
Imwissija: H. Vatnsdal 35’, B. Hendriksson 44’, H. Hansson 86’ (G), A. Agius 55’, A. Schembri 81’, R. Muscat 86’ (M)
Skorjaw: R. Joensen 3’ (G), J. Corbalan 4’ (M)
Referee: V. Meshkov (Russja)
Assistenti Referees: Anton Averianov (Russja), Dmitri Mosyakin (Russja)
Assistenti Referees Addizjonali: Sergei Lapochkin (Russja), Mikhail Vilkov (Russja)
Attendenza: 2152
Prestazzjoni pożittiva tat-tim nazzjonali Malti ma kinitx biżżejjed biex tinkiseb ir-rebħa tant mixtieqa biex b’hekk Malta spiċċat Grupp D3 tal-UEFA Nations League fl-aħħar post. Il-plejers Maltin wettqu reazzjoni wara t-telfa ta’ 5-0 kontra l-Kosovo u gowl bikri fil-logħba. Għal ħafna ħin mil-logħba, it-tim ta’ Ray Farrugia kkontrolla u dan wassal biex għajr il-gowl, il-Gżejjer Faroe ma kellhomx xutt fil-lasta.
Fl-aħħar ftit minuti rajna wkoll ix-xewqa tat-tim Malti li jirbaħ il-logħba, bil-kowċ Ray Farrugia jdaħħal lil Kyrian Nwoko flimkien ma’ Michael Mifsud u Andrè Schembri filwaqt li tela’ wkoll jgħin Andrei Agius. Jekk f’din il-logħba ma rajna xejn, tal-anqas rajna d-determinazzjoni u r-rieda tat-tim Malti li jattakka biex jirbaħ, bil-Gżejjer Faroe aktar kuntenti li ma joħorġux telliefa biex itemmu l-grupp fit-tielet post.
Ferħa wkoll għal Juan Corbalan li skorja l-ewwel gowl mat-tim nazzjonali hekk kif jidher li hu kif ukoll Joseph Mbong se jkollhom spazju mill-kowċ Farrugia u kienu fost l-aktar punti pożittivi f’din l-edizzjoni tal-UEFA Nations League.
Partita speċjali għal Andrè Schembri li kien preżentat b’tifkira mill-President tal-MFA Norman Darmanin Demajo minħabba li din kienet l-aħħar partita mat-tim nazzjonali. B’ġest sabiħ, il-captain Michael Mifsud ċeda l-faxxa lil Schembri, bil-plejer internazzjonali jidher jemozzjona ruħu waqt l-innu Malti. Qabel il-partita, Darmanin Demajo preżenta flokk tat-tim nazzjonali bin-numru 100 lil Roderick Briffa wara li l-plejer veteran lagħab il-100 logħba mat-tim nazzjonali s-Sibt li għadda kontra l-Kosovo.
Doċċa kiesħa għat-tim Malti wara tliet minuti hekk kif il-Gżejjer Faroe marru fil-vantaġġ bi kross mil-lemin ta’ Gilli Rólantsson lejn RENÉ JOENSEN li żmarka ruħu mill-markatura ta’ Joseph Mbong u għeleb lil Andrew Hogg b’daqqa ta’ ras.
Reazzjoni immedjata tat-tim Malti li minuta biss wara ġab id-draw meta kien JUAN CARLOS CORBALAN li għadda l-ballun minn taħt idejn Gunnar Nielsen, wara li l-gowlkiper avversarju kien salva parzjalment ix-xutt fil-baxx ta’ Michael Mifsud.
It-tim Malti beda jaqsam il-logħob mal-avversarji, iżda kienu l-Gżejjer Faroe li resqu qrib it-tieni gowl fis-36 minuta bi kross mix-xellug lejn Soelvi Vatnhamar li tar minn tulu iżda d-daqqa ta’ ras għaddiet ftit barra.
Malta fetħet it-tieni taqsima tajjeb u fil-50 minuta resqet viċin b’xutt bid-dawra ta’ Juan Corbalan li niżel fuq il-mimduda. Tmien minuti wara xutt minn barra l-kaxxa ta’ Hansson għadda barra. L-andament tal-logħba baqa’ l-istess bħal dak fl-ewwel taqsima, bil-Gżejjer Faroe ftit ikunu perikolużi ħlief fis-66 minuta b’xutt ta’ Hendriksson li għadda fuq il-lasta.
Ċans tajjeb għat-tim Malti fl-74 minuta b’Michael Mifsud jiġbed għan-nofs minn fuq ix-xellug u jixxuttja fil-baxx iżda t-tentattiv kien salvat minn Nielsen, f’azzjoni li Mifsud seta’ qassam lil Andrè Schembri. Fl-aħħar minuti t-tim Malti kien l-aktar tim li ried jirbaħ il-logħba u kien hemm ftit okkażjonijiet li setgħu ġew sfruttati aħjar, iżda r-riżultat baqa’ ma nbidilx.
//= $special ?>