Ingħata bidu għall-appell fil-kawża li l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia fetaħ biex tliet Sptarijiet li l-Gvern ta lill-privat jerġgħu lura għand il-poplu.
Dan il-każ għaddej fid-dell ta’ għadd ta’ skandli oħra għall-Gvern Laburista, bil-Kap tal-Oppożizzjoni jinnota kif għal darb’oħra, Muscat qed jipprova jaħrab il-ġudizzju tal-Qorti għax li kien għalih, ma jidhirx quddiemha.
Wara li fl-Ewwel Qorti ġie stabbilit li l-Prim Ministru għandu jkun parti minn din il-kawża, Muscat fetaħ l-appell biex jipprova jdawwar dik id-deċiżjoni.
L-Oppożizzjoni qed ittenni li l-Isptar San Luqa, l-Isptar Karen Grech u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex jerġgħu lura għand il-poplu wara li jkun iddikjarat null il-kuntratt li l-Gvern għamel mal-Vitals Global Healthcare.
Adrian Delia qal li dan hu każ ieħor li fih il-Prim Ministru qed jaħrab, mhux biss mill-aspett legali, iżda wkoll mir-responsabbiltà politika. Fost l-oħrajn, anke fl-Iskandlu 17 Black, meta fil-Parlament it-Tnejn kompla jipprova jaħrab wara l-iskuża tal-Inkjesta.
Min-naħa l-oħra, sostna l-Kap tal-Oppożizzjoni, Muscat jaf li r-responsabbiltà politika ma tintrabat mal-ebda Inkjesta u għalhekk m’għandux ikompli jirrifjuta li tintrefa’ r-responsabbiltà politika.
Mistoqsi minn NET News, Adrian Delia qal li kieku kien Prim Ministru llum żgur li ma kienx iħalli persuni bħal Keith Schembri u Konrad Mizzi madwaru. Qal li kien jagħżel li jneħħihom fuq il-bażi ta’ deċiżjonijiet li jittieħdu fid-demokraziji kollha tal-Punent, fejn ir-responsabbiltà politika hi ovvja.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li dalwaqt naslu f’punt fejn il-ħsara li qed issir lil Malta tkun waħda irreparabbli. U wara 25 sena ta’ ħidma biex ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna tinbena, dan il-Gvern qed ikissirha u jdgħajjef il-pożizzjoni ta’ Malta fil-forum internazzjonali, filwaqt li jagħmel ħsara lill-poplu Malti u Għawdxi direttament.
Il-kawża tal-appell ġiet differita għall-15 ta’ Jannar, meta se jibda l-proċess tat-trattazzjoni.
//= $special ?>