Ambjent Lokali

Jiġi sospiż ix-xogħol fis-sit tal-ITS f’Pembroke

L-appell kontra dan il-proġett beda jinstema' illum

It-tribunal tal-appelli tal-Awtorità tal-Ippjanar ordna li jiġi sospiż ix-xogħol fuq il-proġett fis-sit tal-ITS sakemm jiġi konkluż l-appell pendenti kontra dan l-iżvilupp. Dan tħabbar mill-Moviment Graffitti fuq il-paġna tagħhom ta’ Facebook.

Il-proġett li se jieħu post il-binja li qabel kienet tintuża mill-ITS u se jkun jinkludi fih torri ta’ 38 sular u lukanda ta’ 17-il sular.

Jidher illi x-xogħol kien diġa’ beda fuq is-sit ftit żmien wara li ġie approvat il-proġett, iżda twaqqaf wara l-ewwel smigħ tal-appell li sar propju llum. Il-proċess tal-appell mistenni jieħu sa Marzu li ġej.

Kien hemm total ta’ 17-il appellant li jinkludu residenti, għaqdiet mhux governattivi u tliet kunsilli lokali – Pembroke, San Ġiljan u s-Swieqi.