“Il-Ministru Konrad Mizzi ħarab u mar jinħeba waqt iż-żjara tad-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew f’Malta. Jista’ jibqa jiprova jinħeba imma ma jistax jistaħba għal dejjem,” qalet illum il-Membru tal-Parlament Ewropew għal Malta u Għawdex Roberta Metsola.
Waqt li kienet qed titkellem dwar il-pubblikazzjoni tar-rapport taż-żjara tad-delegazzjoni f’Malta u l-Islovakkja bħala parti mill-Grupp ta’ Monitoraġġ tas-Saltna tad-Dritt tal-Parlament Ewropew, l-MEP Metsola qalet li hemm bżonn b’mod urġenti mekkaniżmu permanenti li jissalvagwardja l-valuri tal-UE.
Hi qalet “Naħseb li dak li rajna fis-Slovakkja u f’Malta għandu jwassal għal azzjoni, jirrikjedi approċċ b’saħħtu u jikkonferma l-bżonn ta’ mekkaniżmu dwar is-saltna tad-dritt li jħares lejn kull Stat tal-Unjoni. Iż-żjarat tagħna wrewna l-isfidi li se niffaċċjaw biex nissalvagwardjaw is-saltna tad-dritt fl-Istati Membri, kif se nassiguraw il-libertà tal-media u kif se niġġieldu kontra l-korruzzjoni u l-impunità.”
L-MEP Metsola enfażizzat li “r-rapport jitkellem dwar il-bżonn li nsaħħu l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u s-sejħa biex persuni esposti politikament b’allegazzjonijiet serji jiġu investigati.”
Hi tkellmet ukoll dwar il-protezzjoni tal-media, u nsistiet għal azzjoni kontra l-iSLAPP “xi ħaġa kruċjali jekk irridu li l-kmamar tal-aħbarijiet żgħar u indipendenti ma jfallux kontra l-interessi ta’ korporazzjonijiet kbar li jaħdmu id f’id ma’ politiċi bla skrupli.”
L-MEP Metsola faħħret is-sejħa tar-rapport biex tiġi ppubblikata lista unika ta’ min jixtri ċ-ċittadinanza Maltija, u qalet li “hemm tħassib serju dwar is-sigurtà bil-bejgħ tal-passaporti Maltin u Ewropew, u din għandha tiġi indirizzata.”
Ir-rapport tal-Parlament Ewropew jinsisti wkoll biex ir-rapport tal-inkjesta Bugeja tiġi ppubblikata b’mod sħiħ – xi ħaġa li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista ilu jgħid li għandha ssir.
L-MEP Metsola faħħret ukoll il-konklużjonijiet tar-rapport li – 400 ġurnata mill-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia – tintemm il-mibgħeda lejn il-familja u l-memorja tagħha u biex tinstab soluzzjoni għall-monument li jinsisti għall-ġustizzja.
L-MEP Metsola kkonkludiet “Hemm bżonn li jissolva dan il-qtil u aħna se nibqgħu ninsistu għall-ġustizzja, l-kontabbiltà u l-verità – kemm għal Daphne Caruana Galizia kif ukoll għall-istejjer li kienet qed taħdem fuqhom. F’400 ġurnata, il-vuċi tagħna ma ddgħajfitx u mhi se tmut qatt.”
//= $special ?>