Il-Pulizija Awstraljana kkonfermat li arrestat tliet irġiel li kienu qed jaħdmu fuq kumplott għal attakk terroristiku f’Melbourne.
Is-suspettati – kollha ċittadini Awstraljani ta’ nisel Tork u li allegatament huma ‘ispirati mill-ISIS’ — kienu qed jippruvaw jakkwistaw azzarin semi-awtomatiku ‘bil-ħsieb li joqtlu l-massimu tan-nies possibbli’ waqt attakk speċifiku li kellu jsir f’xi post pubbliku mhux identifikat.
Intant, l-awtoritajiet Awstraljani qalu li t-theddida, issa, ‘m’għadhiex valida’ wara l-arresti tal-irġiel ( li tnejn minnhom huma aħwa) waqt ir-rejds tal-Pulizija li saru fis-sobborgi lejn il-majjistral ta’ Melbourne.
Il-Kap Kummissarju tal-Pulizija Awstraljana, Graham Ashton, tkellem dwar l-aħħar żviluppi u spjega li s-suspettati ma kenux iddeċidew dwar il-lokalità ‘ideali’ għall-attakk.
Jidher, iżda, li ‘l-ippjanar kien qed jeskala’ fl-aħħar jiem, u meta l-irġiel suspettati kienu qed ifittxu ‘l-aħjar lokalità fejn in-nies kellhom ikunu ffullati ma’ xulxin’.
It-tliet arrestati kienu ilhom ix-xhur taħt sorveljanza mill-Pulizija. Huma anki kellhom il-passaporti ‘ikkanċellati’ minħabba l-biża’ tal-awtoritajiet li l-istess suspettati setgħu jieħdu sehem f’xi attività terroristika ‘il hinn mill-Awstralja.
Intant, it-tlieta qed jiffaċċjaw akkużi relatati mat-terroriżmu, bil-kelliema għall-Pulizija jgħidu li ‘kieku ma seħħx l-intervent f’waqtu, il-konsegwenzi tal-azzjoni li (l-iġiel) kienu qed jippjanaw kienu jkunu kbar u terribbli’.
//= $special ?>

