Gowl lejn it-tmiem skorjat mis-sostitut Matteo Politano ta rebħa ta’ 1-0 lit-tim nazzjonali Taljan kontra l-Istati Uniti f’partita ta’ ħbiberija. Għal din il-logħba l-kowċ Taljan Roberto Mancini kien mingħajr diversi plejers regolari filwaqt li biddel diversi plejers tul il-partita.
Fl-ewwel taqsima huma resqu qrib fid-39 minuta b’xutt ta’ Domenico Berardi li kien imdawwar f’korner. Fit-tieni taqsima Kevin Lasagna resaq qrib b’xutt fil-baxx li kien salvat, biex ftit minuti wara proprju fl-64 minuta l-gowlkiper Taljan Salvatore Sirigu dawwar f’korner daqqa ta’ ras mill-viċin ta’ Walker Zimmerman.
Il-gowl rebbieħ wasal proprju fl-94 minuta u kien proprju MATTEO POLITANO li beda l-azzjoni. Hu qassam lejn Marco Verratti li qassam fil-kaxxa lejn Roberto Gagliardini li kompla lejn Politano li kkontrolla u skorja b’xutt fil-baxx.
Iċ-champions Franċiżi PSG marru ħażin minn dawn il-logħbiet hekk kif kemm Neymar kif ukoll Kylian Mbappe weġġgħu fir-rebħiet tal-Brażil u Franza rispettivament. Il-Brażil rebħet 1-0 kontra l-Kamerun, bil-gowl jasal b’daqqa ta’ ras b’saħħitha ta’ RICHARLISON eżatt qabel tmiem l-ewwel taqsima.
Bl-istess skor Franza rebħet kontra l-Urugwaj. Il-gowl rebbieħ wasal fit-52 minuta meta l-Franċiżi ngħataw penalty diskutibbli li minnu OLIVIER GIROUD ma żbaljax b’xutt preċiż għar-rokna xellugija.
Partiti ta’ ħbiberija: Afrika ta’ Isfel v Paragwaj 1-1 , Albanija v Wales 1-0 , Awstralja v Lebanon 3-0 , Brażil v Kamerun 1-0 , Ċina v Palestina 2-2 , Franza v Urugwaj 1-0 , Italja v Stati Uniti 1-0 , Korea ta’ Isfel v Uzbekistan 4-0 , Tuneżija v Marokk 0-1 , Turkija v Ukrajna 0-0
//= $special ?>