Edward Zammit Lewis u Toni Bezzina, chairperson u membru rispettivament tal-Kumitat Permanenti dwar l-Affarijiet Barranin u Ewropej, ipparteċipaw fis-LX Laqgħa tal-Kumitati Parlamentari tal-Unjoni Ewropea dwar l-Affarijiet Ewropej (COSAC) fi Vjenna, bejn id-19 u l-20 ta’ Novembru 2018 bħala parti mil-laqgħat interparlamentari tal-Presidenza Awstrijaka tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea bit-tema ‘Ewropa li tipproteġi’.
Din il-laqgħa tiġi organizzata f’kull presidenza bħala parti mil-laqgħat interparlamentari li jinżammu matul il-Presidenza tal-Unjoni Ewropea.
F’din il-laqgħa kienu diskussi erba’ temi prinċipali: il-prijoritajiet tal-Presidenza Awstrijaka tal-Kunsill,
Brexit, l-enerġija u t-tibdil fil-klima, u kif aktar trasparenza fil-prattiċi tal-Unjoni Ewropea
tista’ tqarreb l-Unjoni aktar viċin iċ-ċittadini.
F’din is-sessjoni tkellem id-Deputat Nazzjonalista Toni Bezzina li qal li meta wieħed jitkellem maċ-ċittadin fl-istati membri, jinduna li dawn huma xettiċi ħafna dwar kemm l-Unjoni Ewropea hi d-difensur taċ-ċittadini Ewropej b’mod speċjali fir-rigward ta’ trasparenza u tar-rule of law f’pajjiżhom.
Hu argumenta li wasal iż-żmien li l-Unjoni Eworpea taħdem qatigħ mhux biss biex tippromwovi t-trasparenza u r-rule of law, iżda l-ewwel u qabel kollox trid turi bil-fatti li l-istituzzjonijiet tagħha stess huma trasparenti f’dak kollu li jagħmlu. Wara li tagħmel dan trid turi liċ-ċittadini Ewropej li qed tagħmel iċ-checks and balances neċessarji biex tassigura li kull stat membru hu trasparenti f’dak kollu li jagħmel u li jkun kontabbli lejn iċ-ċittadini tiegħu.
Ikkonkluda li b’hekk biss l-Unjoni Ewropea tista’ tikseb lura l-fiduċja taċ-ċittadini Ewropej billi b’mod effettiv turihom li jimpurtaha minnhom. B’dan il-mod nistgħu naċċertaw li l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew f’Mejju li ġej ikunu suċċess.
//= $special ?>