Lokali Parlament

Malta qed titlef ir-reputazzjoni tagħha

– Mario Galea, PN

Id-deputat Nazzjonalista Mario Galea qal li bil-politika li qed iwettaq il-gvern u bl-iskandli li qed iseħħu Malta qed titlef ir-reputazzjoni tagħha.

Fil-aprlament Mario Galea qal li għamilna ħabta konna ħriġna bl-inizjattiva ta’ Brand Malta. Għaliex? Malta post sigur, sabiħ, b’nies li huma lesti jgħinuk, b’ibħra nodfa u b’arja nadifa. Illum qed nibżgħu biżżejjed għal Brand Malta u għall-isem ta’ Malta? Dan jefettwa in-negozju.

Malta post sigur; ftit ilu l-Ambaxxata Amerikana tavża liċ-ċittadini tagħha fuq Paceville. Tgħidilhom li dan mhux sigur. Post ta’ attività illegali u kriminalità. Bouncers li wħud minnhom jaqilgħu l-inkwiet huma. Ma jkunx hemm biżżejjed forzi tas-sigurtà. Dan x’qalet l-ambaxxata Amerikana u din ħsara tagħmlilna. X’inhu jagħmel il-gvern dwar din il-problema? Ghax dan ukoll hu l-branding ta pajjiżna.

Dwar l-ibħra nodfa hu qal li x-Xatt l-Aħmar, f’Għawdex ifur bid-drenaġġ dan is-sajf. Il-baħar tagħna mniġġeż minħabba l-fish farms. Qed nagħmlu biżżejjed? Din il-brand Malta li irridu?

Il-gvern iħallas aktar minn miljun minn flusna biex ikompli jħammeg l-arja għax ma lħaqniex il-mira tal-EU. Jaf il-gvern li kull sena, 7 miljun persuna fid-dinja tmut minħabba arja mhux nadifa? Din il-Brand Malta li rridu?

Mario Galea qal li r-reputazzjoni ta’ Malta marret il-baħar. Domna biex bnejnieha. Imma malajr titlifha. Illum issiefer barra u jgħidulek x’inhu jiġri Malta. Il-Ministru tal-Finanzi stess qal li kull fejn imur ikellmuh fuq il-koruzzjoni f’Malta.

Il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia mhux aċċettabli. Qtil li seraq omm, mara, familja. Qtil li għamlilna ħsara irreparabbli u bħal ħafna nixtieq li nkun aktar konvint li l-gvern bil-pulizija qed jagħmel ħiltu kollha biex jaqbad il-mandatur.

Il-Prim Ministru ma jridx jikkumenta dwar dak li ġie żvelat fil-gazzetti dwar il-mandatur ta’ dan il-qtil għax qal li hu ma jindaħalx fl-investigazzjonijiet tal-pulizija. Imma fl-istess jum il-Ministru tal-Intern Michael Farrugia mar jagħti intervista dwar kemm hi viċin li l-pulizija taqbad lil min ikkamanda li ssir il-bomba lil Daphne. Ma nemminx li hemm indipendenza f’din l-investigazzjoni. Dan kixfu l-Ministru tal-Intern li jidher li hu infurmat sew fuq l-investigazzjoni.

Mario Galea kompla li Malta tissemma minn agenziji tal-aħbarijiet ewlenin barranin bħala bejta ta kuntrabandu u ħasil ta flus. Din il-Brand Malta li irridu? Din hija l-Malta li irridu inbiegħu lill-barranin?

Wara l-kriżi fil-Libya, Hilary Clinton irringrazzjat l-gvern u l-poplu Malti bħall-Prim Ministru Libjan, l-Prim Ministru Ingliz u tant oħrajn. Illum tmur barra u kif qal il-Minsitru tal-Finanzi isemmulek il-korruzzjoni, il-ħasil ta’ flus u l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia..

Mario Galea kompla li issa n-narattiva tal-gvern hija li dan hu tort tal-Opożizzzjoni. Komdu biha; flok jaffaċċja l-problema, jattakka l-messaġġier. Pilatus Bank qatt ma messu ngħata l-liċenzja. Mhux tħalla jaħrab minn Malta u l-Kummissarju inkompitenti jmur jiekol il-fenek. Dan ukoll tort tal-Oppożizzjoni?

Is-sid tas-SataBank, li hu Bulgaru, fetaħ negozju l-Lussumburgu. Kif induna li l-awtoritajiet fl-Lussumburgu kienu qed jinvestigaw għalaq in-negozju u ġie jiftaħ bank Malta. Kien żvelat li l-FIAU kienet irċeviet rapport estensiv dwar dan il-Bulgaru. Imma ma sarx due diligence tajjeb u tħalla xorta jiftaħ is-Satabank f’Malta. Dan waqt li avżat li qatt ma kellu jingħata l-liċenzja. Anzi mar il-Prim MInstru wkoll fil-ftuħ tas-Satabank. Illum hawn negozji għarkubtejhom imsallbin għax flushom iffriżati. Nies li m’ghandhomx x’xjieklu għax flushom li għamlu bl-għaraq ta xbinhom jinsabu ffriżati minħabba l-qassata tal-gvern li jħalli lis-sid korrott tas-Satabank jiftaħ bank f’Malta. Dan tort tal-Opożizzjoni wkoll? Lil Malta l-Gvern ħabha qisha skip l-imbarazz li jarmu pajjiżi oħra iġibuhom Malta.

Attenti ma nilgħabux mal-banek Maltin għax addio l-branding imbagħad. Kellna anki twissija minn Standard and Poor fuq ir-riskju għall-banek Maltin fuq l-allegazzjonijiet ta’ ħasil ta flus. Irridu nieħdu b’akbar serjetà r-reputazzjoni ta’ Malta, appella Mario Galea.

Meta l-istituzzjonijiet tal-pajjiż ma jibdewx jagħmlu xogħlhom u jieħdu passi n-nies tibda tieħu passi hi u tiġbed flusha u tara fejn tagħmilhom biex ikunu siguri. Ejja nsaħħu l-istituzzjonijiet u mhux jibqgħu pupazzi tal-gvern.