It-tim nazzjonali Malti ta’ taħt id-19-il sena rebaħ l-aħħar logħba tiegħu fil-Mini-Tournament tal-UEFA b’rebħa ta’ 2-1 kontra l-Litwanja. Iż-żgħażagħ Maltin kellhom wirja pożittiva fit-tieni taqsima biex b’din ir-rebħa għalqu l-grupp fit-tielet post b’erba’ punti minn tliet logħbiet, punt anqas mill-Belġju.
Mertu żgur imur għall-kowċ Winston Muscat li organizza t-tim fit-tliet logħbiet speċjalment kontra żewġ avversarji ħafna aktar kwotati. Muscat beda bl-istess ħdax li bdew fl-ewwel logħba kontra Franza.
Il-Litwanja marret fil-vantaġġ fil-11-il minuta meta l-attakkant Benas Anisas ħasad lid-difiża Maltija biex għeleb lil Amara Sylla f’kontrattakk.
L-ewwel opportunità vera tat-tim Malti waslet fis-26 minuta meta Alex Satariano żmarka ruħu iżda x-xutt fil-baxx tiegħu kien salvat mill-gowlkiper avversarju.
Il-Litwanja għal ftit ma rduppjatx fid-39 minuta meta l-gowlkiper Malti Sylla qassam ħażin lejn Artur Dolznikov iżda l-plejer Litwan ma ħax vantaġġ minn dan l-iżball, bil-gowlkiper idawwar f’korner.
Ċans ieħor għal-Litwanja fil-bidu tat-tieni taqsima bis-sostitut Matas Vereika jdur ma’ Sylla iżda waqa’ biex jirbaħ il-fawl, bir-referee jħalli l-logħob għaddej. It-tim Malti ġab id-draw b’Alex Satariano jiskorja wara li rċieva tajjeb minn Carlo Zammit Lonardelli fuq il-lemin.
It-tim ta’ Winston Muscat mar fil-vantaġġ fl-64 minuta b’Satariano jinfed lit-tim avversarju bil-veloċità u qassam lejn Carlo Zammit Lonardelli, bil-midfielder ikompli lejn Marcus Grima li qabbeż tajjeb fuq il-gowlkiper.
Fl-aħħar minuti, il-Litwanja għafsu biex isalaw il-logħba u marru diversi drabi viċin, bl-aktar li joqorbu viċin ikun fl-aħħar minuti b’Dejan Debono jbiegħed il-ballun minn fuq il-linja fil-ħin miżjud.
Malta: A. Sylla, Z. Grech, D. Debono, C. Gauci, A. Magri-Overend, S. Dimech, C. Zammit Lonardelli (A. Spiteri 88’), M. Grima, A. Attard, A. Satariano (M. Portelli 90’), P. Mbong (C. Bouvet 75’)
Referee: Zaven Hovhannisyan (Armenja)
//= $special ?>