Shelby Mangion Vassallo kienet fost dawk li spikkaw fil-Kampjonat Nazzjonali annwali tal-Weightlifting li sar fi tmiem il-ġimgħa l-oħra. Iż-żagħżugħa ddominat il-kategorija ta’ taħt it-63kg u rebħet mhux biss il-kategorija ta’ taħt il-15-il sena, iżda wkoll il-kampjonat nazzjonali ta’ taħt is-17-il sena, juniors u tal-kbar ukoll. Hi spiċċat il-kompetizzjoni bi snatch ta’ 60 kilo u 74 kilo fil-clean and jerk.
Yazmin Zammit Stevens rebħet il-kategorija tad-69 kilo bi snatch ta’ 78 kilo u clean and jerk ta’ 100 kilo. Elisia Scicluna kompliet turi titjib wara li weġġgħet fis-sajf li għadda. Hi rebħet il-kategorija tad-90 kilo fejn spiċċat b’75 kilo snatch u 95 kilo clean and jerk.
Waħda mill-iżgħar atleti Tenishia Thornton reġa’ kellha riżultati pożittivi. L-atleta ta’ 13-il sena għamlet l-aħjar snatch personali ta’ 44 kilo u kellha tentattiv fil-clean and jerk ta’ 54 kilo. Hi għamlet rekord fil-kategorija ta’ 44 kilo fil-grupp taż-żgħażagħ kif ukoll rekord fl-età ta’ 48 kilo tal-juniors kif ukoll tal-kbar. Hi rebħet il-kategoriji ta’ taħt il-15, is-17 u l-20 sena.
Fis-sezzjoni tal-irġiel, Vlad Baldacchino rebaħ il-kategorija tal-94 kilo bi snatch ta’ 120 kilo u clean and jerk ta’ 138 kilo. Il-grupp tal-85 kilo kien l-aktar grupp eċċitanti fil-ġurnata, bi tliet atleti jissieltu biex jirbħu t-titlu.
Matthew Camilleri ħareġ rebbieħ u spiċċa l-kompetizzjoni b’102 kilo snatch u 127 kilo clean and jerk. Hu kien segwit minn Anton Micallef b’refgħa ta’ 103 kilo snatch u 125 kilo clean and jerk filwaqt li Kyle Micallef spiċċa t-tielet b’100 kilo snatch u 120 kilo clean and jerk.
Shaun Ciantar kellu l-aħjar refgħat personali fil-karriera fejn spiċċa bi snatch ta’ 102 kilo u clean and jerk ta’ 125 kilo biex rebaħ it-titlu nazzjonali ta’ 77 kilo. Fl-istess klassi, Keith Azzopardi rebaħ l-aqwa żagħżugħ bi snatch ta’ 90 kilo u clean and jerk ta’ 107 kilo.
Iż-żagħżugħ ta’ 12-il sena Rylee Borg kiser diversi rekords nazzjonali b’46 kilo fis-snatch u 59 kilo fil-clean and jerk fil-grupp tal-kadet.
L-aħħar appuntament fil-kalendarju lokali tal-weightlifting hu fl-aħħar ta’ Diċembru b’Yazmin Zammit Stevens flimkien mal-kowċ Jesmond Caruana se tmur il-Qatar biex tikkompeti fid-Doha Cup, li hu avveniment ieħor għall-kwalifikazzjoni għal-Logħob Olimpiku.
//= $special ?>