Internazzjonali

Stati Uniti: Isalvaw wara waqgħa ta’ 64 sular bil-lift

Sitt persuni – fosthom mara tqila – li kienu f’lift ġo bini ( skyscraper) fil-belt ta’ Chicago salvaw b’miraklu wara li l-lift ċeda f’daqqa u waqa’ 84 sular lejn l-art.

Il-lift, fil-bini li darba kien magħruf bħala l-John Hancock Center, waqa’ mill-95 sal-11-il sular, bin-nies idumu madwar tliet sigħat maqbudin ġewwa. Huma, imbagħad, bagħtu l-messaġġi bit-telefons ċellulari lill-ħbieb, li, min-naħa tagħhom, ikkuntattjaw lis-servizzi għall-emerġenza li rnexxielhom jiftħu l-kabina u jeħilsu lis-sitta.

Il-persuni li ġarrbu din l-esperjenza u li qalu li ‘qegħdin jgħixu ħajjithom mill-ġdid’ kienu daħlu fil-lift wara żmien jixorbu f’bar li jinsab fil-95 sular tal-bini.

Jaħsbu, intant, li dak il-ħin inqata’ wieħed mill-cables li kienu qed iżommu l-kabina tal-lift, li f’daqqa’ waħda, beda nieżel b’veloċità inkredibbli, ‘u b’rata ta’ sekondi’.

In-nies fuq ġewwa qalu, wara, li huma kienu ‘rassenjati għall-mewt’ u meta ma kienx ċar kif il-lift, fiċ-ċirkustanzi, seta’ jieqaf fil-11-il sular mingħajr ma niżel dritt mal-art .

Is-sistema tal-lift kienet għaddiet minn spezzjoni f’Lulju u l-inċident qed ikun investigat.

Il-bini inkwistjoni hi r-raba’ l-itwal waħda f’Chicago u din is-sena reġgħet issemmiet bħala 875 North Michigan Avenue.