Ewropa Kultura Lokali Unjoni Ewropea

Approvati l-proposti ta’ Zammit Dimech dwar Aġenda Ewropea ġdida għall-Kultura

Il-proposti jinkludu aktar fondi tal-UE għall-festivals u biex il-programmi jkunu aktar aċċessibbli għall-għaqdiet iż-żgħar

“Il-kultura hi mod kif tħalli effett u saħħaħ iċ-ċittadini biex ikunu mexxejja responsabbli tas-soċjetà, b’integrità, entużjażmu u empatija. Għalhekk għandna bżonn ninvestu aktar fil-kultura.” Dan qalu l-MEP Francis Zammit Dimech wara li l-Kumitat tal-Kultura addotta rapport dwar l-Aġenda Ewropea ġdida għall-Kultura, li għalih hu kien ir-rapporteur tal-Grupp tal-PPE.

Zammit Dimech ressaq diversi emendi wara konsultazzjoni wiesgħa mal-istakeholders u esperti Maltin aktar kmieni din is-sena. Permezz tal-emendi tiegħu, Zammit Dimech talab lill-Kummissjoni Ewropea biex tassigura li l-festivals Ewropej jingħataw l-appoġġ neċessarju, għaliex huma element importanti biex jgħaqqdu flimkien ċittadini Ewropej u anke lil hinn, filwaqt li tissaħħaħ ir-rabta bejniethom. “Il-festivals huma forza li tgħaqqad u għandhom impatt pożittiv fuq is-soċjetà, iċ-ċittadinanza, l-ekonomija, il-wirt kulturali u l-iżvilupp,” żied jgħid Zammit Dimech, li bħala Ministru tal-Kultura, introduċa diversi festivals f’Malta, fosthom l-Isle of MTV u n-Notte Bianca. Zammit Dimech insista wkoll li l-programm kreattiv Europe ikun aktar aċċessibbli għall-organizzazzjonijiet iż-żgħar.

Zammit Dimech qal ukoll li l-Kummissjoni Ewropea għandha tinkoraġġixxi kollaborazzjoni bejn il-professjonisti fil-qasam tal-kultura, edukaturi, ċittadini u professjonisti fin-negozji biex jinkoraġġixxu l-interess pubbliku fil-kultura. Filwaqt li faħħar l-intenzjoni li jiżdiedu l-programmi ta’ mobbilità għall-artisti, Zammit Dimech innota li għandha tingħata attenzjoni partikolari biex jiġu indirizzati l-ostakli li jirriżultaw mit-taxxa eċċessiva għall-artisti.

Wara diskussjonijiet li kellu f’Malta, l-MEP insista li l-Aġenda Ewropea ġdida għall-Kultura għandha tagħti attenzjoni partikolari lil oqsma kulturali li jinsabu f’riskju minħabba nuqqas ta’ fondi jew attenzjoni, fosthom dak tal-poeżija.

Zammit Dimech laqa’ b’sodisfazzjoni il-ftuħ tal-mużew MUŻA u qal li dan jissimbolizza l-legat vera ta’ Valletta2018. Hu esprima sodisfazzjon għal Valletta2018 u MUŻA, żewġ inizjattivi li ħadem fuqhom meta kien Ministru, u li qed jagħmlu l-kultura aktar aċċessibbli għan-nies.