Bejn għada u l-Ħadd isir l-aħħar avveniment tal-Kampjonat Nazzjonali tad-Drag Racing, fit-trakka ta’ Ħal Far. Dan mistenni jkun l-akbar avveniment fl-aħħar snin hekk kif madwar 110 parteċipant se jieħdu sehem.
13-il dragster fi klassijiet differenti u żewġ karozzi mill-Manx Drag Racing Association ġew trasportati lejn Malta mir-Renju Unit għal dan l-avveniment. Iż-żewġ karozzi huma Model “T” proprjetà ta’ Peter Astell-Burt u l-Banzai Dragster ta’ Ian Merryweather. Karozza oħra unika li se jkun hemm Ħal Far hi l-Jet Car ta’ Nitro Lord li waslet mill-Awstrija.
Għal darba oħra se jkunu preżenti ċ-champion tal-Ewropa tat-Top Methanol Dragsters tal-2012 Mr. Whippy u ċ-champion Ewropew tat-Top Fuel Dragster tas-sena l-oħra Duncan Micallef. Hu flimkien mat-tim tiegħu se jerġgħu jippruvaw jiksru r-rekord tagħhom stess. Jekk iseħħ dan ikun qed jinkiser ir-rekord tat-trakka Maltija.
Il-Kumitat tal-Malta Drag Racing Association ħadmu ħafna biex it-trakka tkun fl-aqwa kundizzjoni possibbli. Għalhekk is-sewwieqa l-oħra huma kollha mistennija li jtejbu l-aqwa ħinijiet tagħhom u jista’ jkun li jinkiser diversi rekords.
Iċ-champion tal-Ewropa tat-Top Fuel Dragster Anita Makela mistennija żżur Ħal Far is-Sibt wara nofsinhar. Dan l-avveniment mistenni jattira numru sabiħ ta’ barranin, bid-dilettanti u l-familji Maltin huma mistiedna li jattendu għal dan l-ispettaklu.
//= $special ?>