Lokali

“Inqas ma nitkellmu fuq l-inkjesta 17 Black iktar aħjar” – il-Ministru Owen Bonnici

Accept Analitiċi cookies to view the content.

“Inqas ma nitkellmu fuq l-inkjesta maġisterjali dwar il-kumpanija 17 Black, iktar aħjar.”

Iddikjara dan il-Ministru Owen Bonnici, jumejn biss wara li fuq insistenza tal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia kellu jiżvela li inbdiet inkjesta fuq din il-kumpanija sigrieta, li s-sid tagħha hu d-Direttur tal-Electrogas.

Ironikament, din id-dikjarazzjoni waslet siegħa wara li f’attività separata l-Prim Ministru Joseph Muscat, li maġenbu kellu lill-istess Ministru, tkellem speċifikament fuq din l-inkjesta, f’dikjarazzjoni intiża li jiskaġuna liċ-Chief of Staff tiegħu, Keith Schembri.

Ladarba l-Prim Ministru tkellem speċifikament dwar din l-inkjesta, xtana r-risposti wkoll mingħand Owen Bonnici, fost oħrajn dwar jekk jemminx hu wkoll li Keith Schembri hux ikun investigat.

Ippressat minn Net News, biex fost oħrajn jgħid x’inhu il-brief ta’ din l-inkjesta, Owen Bonnici ddikjara li mhux se jwieġeb iktar milli qal fil-Parlament.

Meta dan l-istazzjon irrimarka li fil-Parlament hu stess tkellem dwar din l-inkjesta, il-Ministru Bonnici qal li hu kellu jinforma lill-Kamra tad-Deputati b’dan l-iżvilupp … xi ħaġa li għamel ġimgħat wara li l-inkjesta bdiet u għax kien hemm l-insistenza tal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia.

Dan minkejja li fil-Parlament inkixef waħdu li diġa kellu din l-informazzjoni, tant li ftaħar li antiċipa l-mistoqsija ta’ Adrian Delia u mar preparat bid-dettalji kollha sa minn qabel.