Internazzjonali

President ġdid tal-Interpol

Kim Jong-yang mill-Korea t’Isfel kien elett bħala l-President il-ġdid tal-Interpol, l-aġenzija internazzjonali tal-Pulizija.

Hu jieħu post iċ-Ċiniż Meng Hongwei, li kien spiċċa arrestat f’pajjiżu minħabba korruzzjoni.

L-elezzjoni saret f’Dubaj waqt il-kungress annwali tal-Interpol. Il-favorit għall-kariga kien ir-Russu Alexander Prokopchuk, imma kien hemm tħassib li jekk elett, dan jabbuża mis-sistema ta’ mandat ta’ arrest internazzjonali tal-Interpol biex jiffavorixxi t-tmexxija tal-President Russu Vladimir Putin.

Iżda Prokopchuk se jkompli jservi bħala Viċi President tal-Interpol; għalkemm Moska espri-miet il-kritika tagħha għal dik li sejħet kampanja biex twaddab dell fuq Prokopchuk.

Kim, li għandu 57 sena, hu eks uffiċjal tal-Pulizija f’pajjiżu u darba kien serva bħala kap tal-Pulizija fil-provinċja ta’ Gyeonggi, il-provinċja fil-Korea t’Isfel bl-akbar popolazzjoni. Hu diġà kien Viċi President tal-Interpol u kien qed iservi bħala Aġent President minn mindu għeb Meng.

Hu issa se jservi s-sentejn li kien fadal tal-mandat ta’ Meng. Il-kariga ta’ President tal-Interpol hi aktarx waħda ċerimonjali u t-tmexxija vera u propja tal-aġenzija hi f’idejn is-Segretarju Ġenerali Jürgen Stock. Prokopchuk kien ġeneral fil-Ministeru tal-Intern Russu u fil-passat kien ikkritikat li abbuża mis-sistema tal-Interpol biex ifixkel il-ħidma tal-kritiċi tal-Kremlin.