Qormi Daikin u Sliema Hotsticks se jilagħbu l-finali taċ-Challenge Cup li se ssir il-Ħadd 2 ta’ Diċembru wara li ddominaw is-semifinali tagħhom. Qormi għelbu lil Floriana Young Stars 5-0 u Sliema Hotsticks ġabu fix-xejn lil White Hart b’rebħa faċli ta’ 9-1.
Qormi u Floriana kienu diġà ltaqgħu fil-finali tas-Super Cup. Dakinhar Qormi kienu ħadu vantaġġ ta’ erba’ gowls b’Floriana tjiebu fit-tieni taqsima. Din id-darba, Qormi kienu aktar konċentrati u spiċċaw rebbieħa 5-0.
Huma kienu 2-0 minn fuq sa tmiem l-ewwel taqsima b’gowls minn Kyle Micallef u Steve Portelli u żiedu tliet gowls oħra fit-tieni taqsima għal darba oħra minn Micallef, Steve Tanti u Juan Sarcia. L-umpires ta’ din il-logħba kienu Glen Bonello u Robert Aquilina.
Jekk Qormi Daikin kisbu rebħa faċli, Sliema Hotsticks iddominaw u għalqu l-logħba wara fl-ewwel taqsima. Il-gowl bikri ta’ Julian Zahra kien kanċellat parzjalment minn Luca Runza li jinsab b’self mingħand l-istess Sliema. Is-Slimiżi żiedu r-ritmu u doppjetta ta’ Christ Agius u Silas Plaehn wasslet biex daħlu jistrieħu 4-1.
It-tieni taqsima kellha faċċata waħda b’doppjetta ta’ Christ Agius u gowls minn Julian Zahra, Lukas Plaehn u Ryan Dalli. L-umpires ta’ din il-logħba kienu Nathan Galea u Paul Brincat.
//= $special ?>