Lokali

Somalu jmur l-isptar b’ferita f’għonqu – jallega li attakkawh f’Paceville

Somalu ta’ 44 sena residenti ż-Żebbuġ, Għawdex, spiċċa rikoverat fl-Isptar Mater Dei wara li fis-sigħat bikrin ta’ dalgħodu mar minn jeddu għall-kura.

Il-Pulizija kkonfermat li kien għall-ħabta tas-2.30 li kienet infurmata li r-raġel mar għall-kura u qal lit-tobba u l-infermiera li kien ġie attakkat f’Paceville.

Fortunatament, ir-raġel ma kellux ġrieħi serji, b’ferita superfiċjali f’għonqu, tant li ġie rilaxxat wara ftit tal-ħin.

Il-Pulizija qed tinvestiga l-allegazzjonijiet tas-Somalu, għalkemm s’issa għad m’hemmx indikazzjonijiet ta’ x’seħħ verament jew min kien li allegatament aggredixxa lir-raġel.