Rugby Sport

Stompers jagħmlu ċert mir-rebħa fit-tieni taqsima

(Ritratt: Ian Aquilina)
Overseas jirbħu logħba missielta kontra Kavallieri

FALCONS…………. 10   STOMPERS……….. 39

Stompers kisbu t-tieni rebħa konsekuttiva meta din id-darba għelbu lil Falcons 39-10. Minkejja li daħlu fi żvantaġġ, Falcons offrew sfida denja fl-ewwel taqsima, iżda fit-tieni 40 minuta Stompers iddominaw fejn ħadu vantaġġ minn diversi spazji fil-back line tal-avversarji.

Matthew Camilleri fetaħ l-iskor wara 17-il minuta bl-ewwel try għal Stompers, b’Richard Gum jagħmel il-conversion. L-iskor sar 12-0 fl-34 minuta bi try ta’ Matthew Alexander, iżda Falcons daħlu fil-logħba erba’ minuti wara bl-ewwel try għalihom magħmul minn Daniel Holliday.

Stompers fetħu t-tieni taqsima bl-aħjar mod possibbli u wara żewġ minuti mill-bidu, Julian Caruana kabbar id-distakk għal 17-5. Stompers kellhom lil Matthew Spiteri li rċieva karta safra fis-46 minuta iżda Falcons ma ħadux dan il-vantaġġ għaliex minuta wara Andrew Vella rċieva karta safra wkoll minħabba high tackle.

Dan il-mument kien indikazzjoni li Stompers setgħu jagħlqu l-logħba, xi ħaġa li fil-verità ġrat hekk kif Stompers żiedu l-iskor diversi drabi. Fis-56 minuta Paolo Zanin għamel try, b’Richard Gum għamel il-conversion biex kabbar id-distakk għal 24-5.

Żewġ minuti wara Nick Formosa għamel il-ħames try għat-tim tiegħu, b’Paolo Zanin jagħmel l-iskor 34-5 bi try ieħor fil-61 minuta. Stefan Barbara naqqas id-distakk seba’ minuti wara iżda Dragan Cerketa għamel l-iskor finali 39-10 lejn it-tmiem.

Referee: Sean Doublesin

Overseas jirbħu logħba missielta

OVERSEAS………….. 6   KAVALLIERI……….. 0

Wara d-draw ta’ ġimgħa ilu kontra Falcons, Overseas għelbu lil Kavallieri 6-0 f’logħba missielta u milgħuba f’kundizzjonijiet diffiċli tal-pitch wara l-maltemp li sar fil-ġurnata. Fatt interessanti hu li d-differenza bejn iż-żewġ timijiet spiċċat biex kienet penalties u drop goal hekk kif mar sar l-ebda try tul il-partita.

James Widdop daħħal lil Overseas minn fuq b’penalty qabel tmiem l-ewwel taqsima. Kwarta mill-ftuħ tat-tieni taqsima, Darren Edmunds irċieva karta safra, b’Overseas jieħdu vantaġġ mis-superjorità numerika u skorjaw drop goal għal darba oħra minn Widdop.

Referee: Sam Ramage

Tags