Futbol Sport

Tal-Qroqq Versity lura fil-quċċata tal-Ewwel Diviżjoni tal-MAFA

Rapport: Robert Busuttil

Versity qabżu fl-ewwel post tal-klassifika tal-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni meta b’wirja ferm konvinċenti huma għelbu lil Naxxar Victorians bl-iskor ta’ 3-0. Huma pattew għat-telfa xi ftit qarsa li kellhom il-ġimgħa l-oħra kontra Senglea Gunners u b’wirja eċċezzjonali xejnu kull sfida li setgħu joffru n-Naxxarin. Bilal Junior kien il-protagonista ewlieni għal Versity meta skorja doppjetta filwaqt li Abel Ebube żied ieħor għal skor finali ta’ 3-0.

San Ġiljan Saints rebħu t-tieni logħba konsekuttiva meta ġabu fix-xejn lil Qormi Hotspurs meta rebħulhom bl-iskor kbir ta’ 7-0. Din kienet partita li laqqgħet bejniethom żewġ timijiet li s-sena l-oħra kienu sfidanti għar-rebħ tal-kampjonat tat-Tieni Diviżjoni.

Quentin Albrecht spikka hek kif skorja xejn inqas minn sitt gowls. L-attakkant Ġermaniż jinsab fuq quddiem fil-lista tal-aqwa skorers meta skorja disa’ gowls f’erba’ logħbiet. Min-naħa l-oħra  Ionut Popescu mmarka r-ritorn tiegħu mas-Saints meta żied ieħor sabiex aċċerta lit-tim tiegħu mit-tieni suċċess staġjonali.

F’partita ferm interessanti bejn iċ-champions preżenti u dawk passati, Valletta St Pauls u Marsa St Michael spiċċaw fi draw ta’ 2-2. Kienu Marsa St Michael li fetħu l-iskor permezz ta’ Nikolay Filipov sabiex Tyrone Borg ġab l-iskor indaqs għall-Beltin. Dawn tal-aħħar marru fil-vantaġġ permezz ta’ Glen Fenech sabiex kien Lewis Essam li ġab id-draw finali ta’ 2-2.

Fit-Tieni Diviżjoni, Fleur de Lys CFK qed ikunu l-iktar tim konsistenti meta kisbu punti massimi minn tliet logħbiet. Fleur de Lys CFK komplew bit-triq tar-rebħ meta b’rebħa minima ta’ 1-0 xejnu l-isfida ta’ Marsaxlokk AFC. Gowl kmieni skorjat minn Robert Bajada minn penalty kien biżżejjed għat-tim minn Fleur de Lys sabiex jirbaħ dan il-konfront. L-istess plejer kien imkeċċi mir-referi tal-partita wara foul li wettaq fuq l-avversarju.

Rebħa minima oħra kisbuha Mosta Vikings li għelbu lil Mqabba Albions bl-iskor ta’ 1-0. L-Albions kellhom wirja tajba għalkemm fl-aħħar mill-aħħar kellhom joħorġu minn din il-partita b’idejhom vojta. Il-gowl li ddeċieda l-partita ġie skorjat minn frikik ferm sabiħ ta’  Alessandro Bianchi.

Żurrieq Sunrise għelbu lil Valletta Stars bl-iskor ta’ 2-1. Il-gowls importanti għas-Sunrise ġew skorjati minn Justin Cilia wara azzjoni ta’ korner u Souleyman Camara wara azzjoni ta’ kontrattakk. Mohammed Khalid skorja l-uniku gowl għal Valletta Stars.

L-Ewwel Diviżjoni

Riżultati

Naxxar V. v Tal-Qroqq V.      0-3

San Ġiljan S. v Qormi H.        7-0

Valletta SP v Marsa SM          2-2

Klassifika

Versity AFC 9 punti, Senglea Gunners 7 punti, San Ġiljan Saints 6 punti, Marsa St Michael 5 punti, Valletta St Pauls 4 punti, Naxxar Victorians 0 punti, Qormi Hotspurs 0 punti

It-Tieni Diviżjoni

Riżultati

Fleur de Lys v Marsaxlokk   1-0

Mosta V. v Mqabba A.           1-0

Żurrieq S. v Valletta S.          1-0

Klassifika

Fleur de Lys 9 punti, Żurrieq Sunrise 7 punti, Marsaxlokk AFC 6 punti, Mosta Vikings 6 punti, Valletta Stars 3 punti, Balzan AFC punt, Mqabba Albions punt

Tags