Lokali

Wasteserv qed teħel il-multi ta’ kuljum għall-użu ħażin tal-impjant f’Ħal Far

Il-kumpanija Wasteserv qed teħel multi ta’ kuljum talli qed tuża sit li suppost tnaddaf biex jinbena impjant tal-iskart f’Ħal Far, biex fih tarmi l-iskart.

Dan is-sit kien tnaddaf, biex issir Multi Material Recovery Facility, iżda issa reġa’ qed jimtela’ b’rata mgħaġġla ħafna.

Dan hekk kif Wasteserv, li hi entità tal-Gvern, tinsab fi kriżi, bl-iskart goff f’pajjiżna li qiegħed jakkumula bla kontroll tant li ma fadalx iktar post fejn dan jinżamm.

Kien Net News li l-ġimgħa li għaddiet żvela kif qed isir użu llegali minn dan is-sit, hekk kif qed jintrema’ skart f’bitħa li mhux suppost tintuża għar-rimi tal-iskart.

Fid-dawl ta’ dan, nhar it-Tnejn li għadda Net News bagħat mistoqsijiet lill-Kap Eżekuttiv tal-Wasteserv, Tonio Montebello, li ma weġibx fost oħrajn dwar x’passi qed jittieħdu biex tissolva din il-kriżi u lanqas dwar jekk l-awtoritajiet ħadux azzjoni fuq l-użu ħażin tas-sit.

Montebello ma weġibx lanqas kemm hi l-kera, ta’ kull xahar, biex Wasteserv tuża s-sit ta’ kumpanija privata biex tarmi l-iskart fiha llegalment. Xi ħaġa li Net News jinsab infurmat li tlaħħaq l-eluf ta’ ewro.

L-Erbgħa erġajna żorna s-sit li suppost ma jintużax għar-rimi tal-iskart iżda li Wasteserv tibqa’ tippersisti li tagħmel dan.

Bejn il-Ġimgħa li għaddiet u llum, kif jixhdu l-filmati, kulma nbidel hu li l-iskart goff f’din il-bitħa żdied u minn gaffa issa wieħed isib tnejn.