Lokali

Approvati rapporti b’emendi ta’ Francis Zammit Dimech

Matul din il-ġimgħa, żewġ Kumitati differenti tal-Parlament Ewropew approvaw żewġ rapporti importanti li kellu sehem attiv fihom l-MEP tal-Partit Nazzjonalista Francis Zammit Dimech.

L-ewwel liġi hi dik dwar il-protezzjoni tal-whisteblowers, hekk kif il-Kumitat tal-Affarijiet Legali vvota favur liġi ġdida Ewropea li tagħti diversi drittijiet lill-whistleblowers. Din il-liġi tinkludi diversi proposti li ressaq ‘il quddiem Zammit Dimech, fosthom li l-awtoritajiet li jiddeċiedu jekk persuna tikkwalifikax għall-protezzjoni ta’ whistleblower ikunu verament indipendenti. U mhux jiġri bħalma ġara f’Malta fejn meta jkollok persuna li jikxef affarijiet kontra l-Gvern jiġi mgħajjar, u meta jikxef affarijiet kontra persuni oħra, jingħata kuntratti kbar.

Emendi oħra li ressaq Zammit Dimech huma marbuta mad-dritt tal-appell kif ukoll il-protezzjoni tal-ġurnalisti.

Minn naħa l-oħra, l-Kumitat tal-Kultura approva l-Aġenda Ewropea l-ġdida tal-Kultura li titkellem dwar diversi ideat ġodda ta’ kif nistgħu nsaħħu l-wirt kulturali fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.

Wara diversi laqgħat f’Malta, l-MEP Zammit Dimech ressaq diversi proposti fosthom li jiżdiedu l-fondi għall-festivals, kif ukoll inizjattivi biex jiżdied l-għarfien u l-interess fil-qasam tal-kultura.

Meta kien Ministru, Francis Zammit Dimech kien introduċa inizjattivi bħall-Isle of MTV u Notte Bianca.