Formula 1 Sport

Formula 1: Ritorn ‘mirakoluż’ għal Robert Kubica li se jtellaq ma’ Williams fl-2019

Is-sewwieq Pollakk tal-Formula 1, Robert Kubica, se jkun qed itellaq mat-tim ta’ Williams fl-istaġun li jmiss tal-Formula 1 (2019), bir-ritorn tiegħu fl-isport qed jitqies bħala ‘miraklu’, snin wara li hu kien involut f’inċident li kważi swielu ħajtu.

Kien fl-2011, u meta Kubica kien qed iħejji biex jibda tieni staġun mat-tim ta’ Renault, li hu spiċċa involut f’inċident waqt rally fl-Italja.

B’riżultat tal-inċident, il-Pollakk ta’ 33 sena spiċċa b’dirgħajh il-leminija kważi maqtugħa barra u, fil-fatt, għadu qed isofri minn diżabbiltà bħala konsegwenza.

Iżda l-istorja ta’ Kubica qed titqies bħala tagħlima dwar fejn wieħed jista’ jasal b’sens ta’ determinazzjoni qawwija. Fil-fatt, l-istorja tal-Pollakk tirrifletti wieħed mill-aqwa ‘comebacks’ fl-istorja tal-isport, meta Kubica, fl-istaġun li ġej, se jkun is-sieħeb tal-pilota żgħażugħ Britanniku, George Russell, ma’ Williams.

Robert Kubica, illum, qed jgħid li ‘l-uniċi persuni li ma qatgħu qalbhom qatt li hu seta’ jirritorna fix-xena tal-Formula 1 kienu hu innifsu u n-nies ta’ madwaru.’

Hu kompla li t-tragward li rnexxielu jilħaq wara incident hekk ikrah juri, fil-fatt, li ‘xejn mhu impossibbli’, bil-Pollakk jenfasizza li ‘dan id-diskors żgur li ma kienx jingħad f’sitwazzjoni fejn hu ma jkollux il-kapaċità biex itellaq fuq livell daqstant kompetittiv (b’referenza għall-Formula 1).’

L-amministraturi tat-tim ta’ Williams, li segwew il-progress ta’ Kubica, xahar wara xahar, qablu kollha li l-Pollakk għad għandu l-grinta u l-kapaċità biex jaqta’ figura tajba matul it-tlielaq tal-Formula 1 fl-istaġun li ġej.

Il-progress ta’ Kubica ilu jkun segwit tul l-aħħar 18-il xahar, u mindu hu saq karozza tal-Formula 1 għall-ewwel darba f’Valencia ( fi Spanja) fl-ewwel ħarġa tiegħu wara li rkupra mill-ġrieħi terribbli li sofra fl-Italja.

Intant, l-amministraturi tat-tim, illum, jafu wkoll li l-limitazzjonijiet fiżiċi ta’ Kubica mhumiex se jtellfuh mill-kompetittività waqt li huma fiduċjużi li l-pilota Pollakk ‘għandu jkompli jissorpendi fix-xhur li jmiss’.

Il-Viċi-Prinċipal tat-tim ta’ Williams, Claire Williams, ikkonfermat is-sens qawwi ta’ stennija għar-ritorn fil-korsa ta’ Robert Kubica.

Hi qalet li ‘wieħed irid jirrikonoxxi l-karattru sod u t-tenaċità ta’ Kubica li kien konvint mir-ritorn tiegħu fix-xena tal-Formula 1 minkejja dak kollu li hu kellu jgħaddi minnu.’ Williams irreferiet ukoll ‘għal-livell ta’ determinazzjoni fenomenali ta’ Robert Kubica li, x’aktarx, hi l-akbar u l-aqwa arma tiegħu’.