Il-klabb tal-Premier League Ingliż, Tottenham Hotspur, hu rappurtat li qed ‘jistinka bis-sħiħ’ biex jipperswadi lill-midfielder Daniż, Christian Eriksen, ħalli jiffirma kuntratt ġdid fit-tul ma’ Spurs, u meta l-kuntratt attwali ta’ Eriksen għandu jiskadi fl-2020.
Għalissa ma kien hemm l-ebda żblokk fit-taħditiet bejn il-klabb ta’ Londra u Eriksen, li ta’ 26 sena, hu fost l-aktar plejers influwenti għal Spurs. Intant, it-trattativi ilhom għaddejjin mill-istaġun li għadda.
Minkejja l-ansjetà dwar is-sitwazzjoni, il-manager ta’ Tottenham, Mauricio Pochettino, qal li ‘mhux inkwetat’ dwar kif għaddejjin l-affarijiet waqt li sostna li l-plejer Daniż ‘jaf sew bid-direzzjoni li qabad il-klabb u x’inhuma l-ambizzjonijiet tiegħu’.
Pochettino qal ukoll li ‘Christian (Eriksen) se jieħu l-aħjar deċiżjoni li jista’ jieħu fiċ-ċirkustanzi’ u li hu qed jawgura li ‘dan il-plejer jagħżel biex ikompli l-karriera tiegħu ma’ Spurs’.
Eriksen kien fost is-sostituti għall-aħħar tliet logħbiet ta’ Tottenham fil-kampjonat tal-Premier League wara li dam xahar indispost minħabba problemi abdominali. Hu, intant, mistenni jkun fl-ewwel ħdax ta’ Tottenham fid-derby tas-Sibt (fil-kampjonat) ma’ Chelsea f’White Hart Lane.
//= $special ?>