Lokali

Il-PN se jsewwi l-inġustizzja bis-serq mill-kontijiet tad-dawl u l-ilma

Pajjiżna jeħtieġ pjan fit-tul li jwassalna fl-2030 u lil hinn

“Gvern Nazzjonalista ġdid se jsewwi l-inġustizzja li qed issir fuq il-familji bis-serq li l-Gvern qed jagħmel bil-kontijiet tad-dawl u l-ilma.”, hekk qal il-Viċi Kap għall-Affarijiet Parlamentari David Agius meta indirizza l-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista.

David Agius qal li l-Partit Nazzjonalista rċieva aktar minn 1,100 kont tad-dawl u l-ilma mingħand in-nies, Huwa qal li familja partikolari rċeviet kont tad-dawl u l-ilma ta’ €3,700 li fuq medda ta’ sena minn Jannar sa’ Diċembru kien hemm żball ta’ €600. Dan meta l-familji qed jirrikorru għand l-ARMS u hemmhekk jibqgħu jgħidulhom li għandhom kollox sew. Huwa qal li hemm każ fil-Qorti fejn persuna xehdet b’ġurament li kienu offrewlha li jaqtgħulna mill-kont bil-kundizzjoni li hija tiskot.

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-PN fil-Gvern iħaddem sistema tal-kontijiet tad- dawl u l-ilma li tkun waħda trasparenti u ġusta, u mhux aktar kontijiet għoljin u spissi kif il- familji qed jirċievu taħt Gvern Laburista. Huwa qal li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia diġà wiegħed li Gvern Nazzjonalista ġdid se jkun qed jagħti lura l-flus li l-Gvern qed jisraq bil-kontijiet tad-dawl u l-ilma. David Agius qal li l-budget kien nieqes mill-ideat fl- enerġija alternattiva u rinovabbli. Dan meta ħafna mill-proġetti issa ilna nisimgħuhom f’budget wara l-ieħor u qatt ma jsiru. Huwa qal li ninsabu wkoll fir-riskju li ma nilħqux il- miri Ewropej għas-sena 2020, meta fl-enerġija rinovabbli qegħdin l-aħħar fl-Ewropa.

David Agius qal li m’hemmx dubju li rridu nkunu Oppożizzjoni li tiġġieled il-korruzzjoni bis-saħħa kollha, iżda fl-istess ħin ma nistgħux ninsew lid-dgħajfin u min qed ibati fis- soċjetà. Min qed jgħix f’garaxx taħt l-art, jew min qed jorqod fil-karozza, jew min ilu s-snin jistenna għall-housing soċjali. Huwa qal li se nibqgħu nkunu Oppożizzjoni pożittiva li tixpruna lill-Gvern sabiex jaġixxi u jaħseb bis-serjetà fil-persuni vulnerabbli u dawk li jinsabu fir-riskju tal-faqar. David Agius qal li jeħtieġ li jkun hawn kwalità ta’ ħajja aħjar, b’pagi diċenti u mhux biċ-cheap labour, li jgħollu l-livell tal-għajxien tal-familji.

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista elenka proposti tal-PN kemm mid-Dokument ta’ Qabel il-Baġit u kemm mid-Dokument tal-Kunsill Ġenerali fosthom għall-Kunsilli Lokali, s-sigurtà fil-lokalitajiet, għall-ħarsien tal-ambjent, arja nadifa u l-immaniġġjar tal-iskart, għat-trasport, l-enerġija u fl-isport. David Agius qal li jeħtieġ li tinstab soluzzjoni li tindirizza bis-serjetà l- problema kbira fost iż-żgħażagħ li ma jkomplux jistudjaw, li jtemmu l-iskola obbligatorja mingħajr ħiliet bażiċi u mingħajr il-kwalifiki minimi għad-dinja tax-xogħol. Jeħtieġ li nħajru investimenti fejn pajjiżna verament isir verament ċentru tal-innovazzjoni, filwaqt li naħftu l- opportunitajiet tal-crypto, r-robotika u l-AI.

David Agius qal li l-Partit Nazzjonalista qed jaħdem fuq pjan serju għal diversi oqsma u d- dokument politiku tal-partit, li ġie ppreżentat fil-Kunsill Ġenerali jixhed il-ħidma bla heda li tinsab għaddejja fil-Partit Nazzjonalista, bi proposti konkreti li joħolqu ġid li verament se jasal għand kulħadd. Huwa qal li pajjiżna jeħtieġ li jkollu pjan serju u fit-tul fejn tissarraf fil-prattika l-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista għal Malta fl-2030 u lil hinn. Huwa qal li l-poplu Malti jrid viżjoni, fiduċja u tmexxija serja.