Lokali

Imnedija l-White Paper dwar is-swieq fil-miftuħ

Il-mod kif jinħarġu l-liċenzji u l-posti għal min ibigħ fis-swieq fil-beraħ se jkun fost it-tibdil mistenni fil-White Paper il-ġdida li nieda l-Gvern.

Ħabbar dan il-Ministru tal-Ekonomija Chris Cardona f’konferenza tal-aħbarijiet, fejn qal li dawn il-passi mistennija jittieħdu wara snin li skont il-Ministru, is-swieq spiċċaw fi stat prekarju.

It-tibdil se jkun sorveljat minn bord awtonomu, għalkemm mgħejjun minn sezzjonijiet li għadhom iridu jitwaqqfu fi ħdan Direttorat tal-Gvern. Dan meta l-Gvern qed jgħid li r-riforma mistennija ġġib aktar trasparenza u sitwazzjoni strutturata.

Sadanittant, mistoqsi dwar x’sar minnhom il-bankarelli li suppost diġà kellhom jibdew jintużaw ħalli tinżamm l-uniformità fil-Monti tal-Belt, il-Ministru Chris Cardona qal li għadu jrid isir pjan dwar it-tibdil meħtieġ. Dan minkejja li d-diżinn ilu li ntagħżel għadd ta’ xhur. Hu żied ukoll li dan it-tibdil mistenni jwassal għal tnaqqis fl-ammont ta’ bankarelli armati.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għall-Kunsilli Lokali Silvio Parnis qal li bir-riforma, il-Gvern se jara li jżid ukoll id-dixxiplina u l-infurzar. Qal li b’għajnuna u koperazzjoni mill-Kunsilli Lokali, il-Gvern se jiżgura li l-bejjiegħa kollha jkollhom il-permessi meħtieġa.

Hu kompla li din il-White Paper hi pass ieħor ‘il quddiem għaż-żieda fl-indafa u r-rispett f’pajjiżna. Il-konsultazzjoni hi miftuħa għal tliet ġimgħat – sal-14 ta’ Diċembru – bil-Gvern se jkun qed jirċievi r-reazzjonijiet għall-proposti qabel ma tittieħed deċiżjoni.