Kultura Lokali

Imniedi t-tieni Volum ta’ “Il-Maltin”

Ġie mniedi it-tieni volum ta’ “Il-Maltin” ktieb dwar personaġġi Maltin li b’għemilhom, drawwiethom u ġrajjiethom jagħtuna kwadru ta’ stejjer fattwali dwar temi speċifiċi u kif dawn kienu minsuġin fil-ħajja Maltija fl-ewwel nofs tas-seklu għoxrin.

Il-personaġġi li rrakkuntaw l-istejjer tagħhom jagħtu narrattiva intima, miġjuba fl-ewwel persuna b’ħila kbira mill-kittieb Steve Borg, li ma ddurx ma’ kantunieri imma hija diretta u tqanqal is-sentimenti tal-qarrej – kitba li tispjega b’mod ċar dak li għaddew minnu tul ħajjithom.

Din id-damma ta’ rakkonti titfa’ dawl ġdid dwar oqsma storiċi li qajla kellna tagħrif dwarhom, inklużi l-istorja tal-avjazzjoni bikrija Maltija, u x-xogħol marbut mal-ġarr tal-faħam u t-tkarkir għalih fil-Port il-Kbir u l-Imsida.

Permezz ta’ din is-sensiela ta’ kotba tkompli tissawwar il-memorja kollettiva tagħna, u dak li jagħmilna distinti minn popli oħra, bħala Maltin.