Edukazzjoni Lokali

Jiggradwaw 168 tabib ġdid

“Aħna msejjħa biex infejqu kultant, intaffu spiss, u nwennsu dejjem”

Hekk qal David Cassar Kap tad-Dipartiment tal-Fakultà tal-Mediċina fid-diskors tiegħu matul iċ-ċerimonja tal-gradwazzjoni ta’ 168 tabib ġdid, il-biċċa l-kbira tagħhom fil-mediċina u l-kirurġija.

Iċ-ċeriminoja saret fil-Knisja tal-Ġiżwiti fil-Kampus tal-Università l-Antika fil-Belt.

Indirizzat lill-gradwati wkoll il-Professur Jean Calleja Agius, Kap tad-Dipartiment tal-Anatomija fl-istess fakultà li rreferit għal dan il-jum bħala jum it-twelid għal dawn it-tobba l-ġodda. Hi ddeskrivit it-traġitt tagħhom bħal dak ta’ embrijun li ġie mpjantat fl-utru tal-Università, u li fi ftit snin weldithom ilkoll bħala tobba.

Calleja Agius qalet lill-gradwati l-ġodda li hi kburija bihom b’mod speċjali hekk kif dan hu l-ewwel grupp ta’ tobba li qed jiggradwaw kemm ilha kap tad-dipartiment u fissret kif minn dejjem kellha ammirazzjoni partikolari lejn tobba nisa, li sa ftit snin ilu kienet razza pjuttost rari. Hi kompliet tgħid li mindu Blanche Huber laħqet l-ewwel tabiba mara fl-1925, saru avvanzi kbar u l-mara għandha ferm iktar opportunitajiet illum sabiex tidħol fid-dinja tal-mediċina.

Hi temmet id-diskors tagħha billi ħeġġet lill-gradwati ġodda biex jirrispettaw u jemmnu fihom infushom għax hekk biss il-ġenerazzjoni li jmiss tista’ ssib dinja aħjar milli sibniha aħna.