Lokali Qorti

Keith Schembri “jaħrab mill-kawża li fetaħ hu stess”

Keith Schembri, iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru

Keith Schembri, iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Joseph Muscat, il-Ħamis ma tfaċċax il-Qorti sabiex jixhed u jwieġeb mistoqsijiet f’kawża li fetaħ hu stess.

Keith Schembri kien fetaħ kawża ta’ libell fil-konfront tad-Deputat Simon Busuttil, dak iż-żmien Kap tal-Partit Nazzjonalista fl-1 ta’ April 2016 dwar diskors li kien għamel l-istess Simon Busuttil fi protesta nazzjonali kontra l-korruzzjoni ftit tal-ġranet qabel. Dan sehh fil- perijodu meta faqqa’ l-iskandlu Panama Papers.

L-Avukati ta’ Schembri, informaw lill-Maġistrat Francesco Depasquale li huma kienu ressqu nota lill-partijiet kollha li Keith Schembri ma’ kienx se jattendi għas-seduta. Min-naħa tiegħu il-Maġistrat Depasquale kellu jaġġorna s-smiegħ tal-kawża għal Jannar.

Fuq twitter, Simon Busuttil qal li Keith Schembri kellu jkun il-Qorti biex iwieġeb mistoqsijiet dwar il-Panama Papers u 17 Black. Hu saħaq li Keith Schembri qed jaħrab mill-każ li fetaħ hu stess.

Simon Busuttil fakkar li l-aħħar darba li Keith Schembri deher fil-Qorti, kien propju dakinhar li nqatlet il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u Schembri kien is-suġġett ta’ dak li kellu jkun l-aħħar post fuq il-blog tagħha li ttella’ online ftit minuti biss qabel inqatlet ftit iktar minn sena u xahar ilu.

Minn dakinhar ‘l hawn, Keith Schembri qatt ma tfaċċa biex ikompli il-kawża li fetaħ hu stess.

L-Avukati Pawlu Lia u Edward Gatt qed jidhru għal Keith Schembri filwaqt li l-Avukat Peter Fenech qed jidher għal Simon Busuttil.