Bħalissa għaddejja t-tieni sessjoni plenarja tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, fid-Dar Ċentrali.
Alex Abela qal li l-Kunsilli Lokali għandu jkollhom l-għodda kollha meħtieġa biex ikunu jistgħu jagħmlu xogħolhom kif suppost. Min-naħa l-oħra, il-Kunsilliera Lokali għandhom jevitaw milli jsegwu l-passi ħżiena li qed jagħmel il-Gvern Laburista.
Mark Pisani qal li hu importanti li dejjem kienu Gvernijiet Nazzjonalisti li ħallew wirt sabiħ lil pajjiżna. Illum qed ingawdu l-ġid ta’ dak il-wirt, iżda għandu jkun Gvern ġdid Nazzjonalista biex jerġa’ jkollna Soċjetà li Jimpurtaha.
Frederick Aquilina qal li l-Gvern preżenti m’għandux pjan fit-tul għal dak li hu l-aktar importanti għalina. Pajjiżna għandu bżonn lill-Partit Nazzjonalista biex ibiddel ir-rotta għax dan hu l-Partit li verament iħoss il-polz tal-poplu.
David Grech qal li l-għajta tal-Partit Nazzjonalista biex ikollna Soċjetà li Jimpurtaha turi l-intenzjoni tal-Partit li jkompli jippjana għal futur aħjar. Il-Partit Nazzjonalista dejjem qara ż-żminijiet u kien xprun biex illum qed naqtgħu l-frott tal-għaqal.
Alessia Psaila Zammit qalet li bħala Sindku tara li ġġib lejn is-Siġġiewin dak li hu tagħhom bi dritt. Pereżempju, il-proġetti li kull Kunsill jagħmel grazzi għall-fondi Ewropej, isiru biss grazzi għall-ħidma tal-Partit Nazzjonalista, li wassal lil pajjiżna għas-sħubija. Hi appellat għal vot lill-Kandidati kollha tal-Partit Nazzjonalista għax hi determinata tkompli taħdem b’risq is-Siġġiewin.
Noel Muscat qal li hemm bżonn li l-proġetti ppjanati f’pajjiżna għandhom isiru b’risq il-poplu. Ma jistax ikun li minflok, illum qed naraw li qed igawdu biss il-ftit askapitu tal-ħafna. Bl-istess mod, kif proġetti qrib is-Swieqi qed isiru minkejja li r-residenti tal-madwar qed jesprimu t-tħassib tagħhom.
Maria Victoria Galea qalet li mhux biżżejjed li pajjiżna jkun sabiħ jew ma jkunx hemm sigurtà. Bħal fil-każ tal-Furjana, fejn ħafna qed ibatu minn nuqqas ta’ sigurtà daqskemm il-problema tal-kera, li dejjem qed togħla.
Desiree Vella Brincat qalet li laqgħet b’sodisfazzjon it-talba tal-Partit biex tkun parti mill-Kunsill Lokali ta’ Pembroke għax tiftakar kemm ommha Evelyn dejjem tat qalba għal din il-lokalità. Bil-Gvern li mhux moħħu biex jisma’ dak li jgħidu n-nies, awgurat li l-proposti mressqa fil-Kunsill Ġenerali jiġu segwiti anke mill-Gvern.
Marcella Busuttil qalet li l-politika m’għandhiex tkun ġlieda għall-poter, iżda sens ta’ mħabba lejn il-pajjiż, il-lokalità u r-residenti. Il-Partit Nazzjonalista minn dejjem kiteb l-istorja, ibbażata fuq il-prinċipji u l-valuri. Anke f’Ħal Safi, il-Kunsilliera Lokali dejjem raw li jaħdmu b’risq is-Safin kollha.
Odette Muscat qalet li hu ta’ dispjaċir li f’lokalitajiet bħall-Imġarr u oħrajn, il-Gvern baqa’ ma jagħtix każ lill-bdiewa. Il-Partit Nazzjonalista għandu jikkomunika aktar biex iwassal il-messaġġ li jrid Soċjetà li Jimpurtaha.
Ryan Callus qal li l-Partit Nazzjonalista jinteressah minn kulħadd, partikolarment dawk li spiċċaw minsija mill-Gvern ta’ Muscat. Min-naħa l-oħra, il-Partit Laburista jinteressah biss li Konrad Mizzi u Keith Schembri jibqgħu hemm jiffangaw minn flus il-poplu.
Karol Aquilina qal li għad għandna x’nagħmlu biex naraw li r-riżultat tal-elezzjonijiet li se jsiru f’Mejju jkunu pożittivi għall-Partit Nazzjonalista. Hemm bżonn inżommu l-lokalitajiet tradizzjonalment Nazzjonalisti u bi ftit sforz nirbħu lokalitajiet li huma b’distakk żgħir. Hu għalhekk li meħtieġ dan is-sforz żgħir, kif jitlob minna l-Kap u l-Partit.
Keith Cassar qal li l-Partit Laburista hu nieqes mill-ideat fit-tul. Il-Kunsilli Lokali għandhom bżonn l-appoġġ tal-Gvern għax jekk ma jkollu ir-rispett tal-Gvern, kif jista’ jkollu r-rispett tar-residenti? Hu appella għall-appoġġ tal-elettorat għax fl-aħħar ħames snin, il-Kunsilli spiċċaw customer care offices, bil-poteri jkunu ċentralizzati taħt il-Gvern Ċentrali.
Ivan Castillo qal li d-Dokument tal-Kunsill Ġenerali juri li l-Partit Nazzjonalista għandu viżjoni għall-futur, filwaqt li jirrikonoxxi l-isfidi li qed isibu ma’ wiċċhom il-Maltin u l-Għawdxin. Filwaqt li għandna Gvern li ppreżenta Budget wara l-ieħor mingħajr ma jieħu ħsieb iż-żgħir, il-Partit Nazzjonalista dejjem ra li jimpurtah minn dawk kollha fil-bżonn.
Justin Schembri qal li ladarba l-Partit Nazzjonalista qed jippreżenta politika fit-tul u li jimpurtaha, qed juri li hu Gvern Alternattiv. M’għandu jkun hemm l-ebda ostilità jekk irridu li l-Partit Nazzjonalista jwassal il-messaġġ tiegħu għand kulħadd.
Hermann Schiavone qal li d-Dokument tal-Kunsill Ġenerali hu riflessjoni ta’ Partit li jinsab viċin il-poplu u li għandu jdejh fuq il-polz tan-nies. Dan id-Dokument qed juri li l-Partit Nazzjonalista jmexxi minn Adrian Delia għandu viżjoni kontra Gvern immexxi minn Muscat li ta’ kuljum qed jinqata’ minn man-nies.
//= $special ?>