Lokali

Meħlus mill-arrest il-gwardjan tal-ħabs akkużat bi stupru

Joseph Zammit, gwardjan tal-ħabs ta’ 52 minn Ħal Kirkop ingħata l-ħelsien mill-arrest wara li kien ġie arrestat fuq akkużi ta’ stupru aggravat, atti sesswali ma’ minuri, fastidju, u li wettaq atti kriminali li kien fid-dmir tiegħu li jara li ma jseħħux. Dan fil-konfront ta’ żewġ tfajliet li kienu qed jinżammu fil-Young Offenders Unit fil-Faċilità Korrettiva f’Kordin.

Il-każ ħareġ fil-pubbliku meta waħda mit-tfajliet tkellmet dwar l-abbuż li għaddiet minnu.

Zammit qed jgħid li mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.  Il-każ qed jinstema fil-magħluq u l-Maġistrat Audrey Demicoli llum ħelset lill-akkużat mill-arrest fuq depożitu ta’ €10,000 u garanzija personali ta’ €5,000.

L-Ispettur Joseph Busuttil qed imexxi l-prosekuzzjoni f’dan il-każ.  L-avukati Amadeus Cachia u Franco Debono qed jidhru għall-akkużat,  filwaqt li Raisa Colombo dehret parte civile għall-vittmi.