Lokali

Skomdi biex jiddefendu lil Konrad Mizzi u Keith Schembri

Tikber l-iskumdità fost il-membri tal-Kabinett Laburista hekk kif issa qed joħroġ ċar aktar minn qatt qabel li l-kollega tagħhom Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri – li wkoll jattendi l-laqgħat tal-Kabinett – huma implikati fl-Iskandlu 17 Black, bir-rabta li hemm mal-kumpaniji sigrieti Hearnville u Tillgate.

Fil-fatt, għal darb’oħra, qed jagħżlu li jibqgħu jaħarbu milli jwieġbu jekk dawn iż-żewġ persuni qrib ħafna tal-Prim Ministru għandhomx iwarrbu jew jitwarrbu mill-karigi tagħhom almenu sakemm isimhom jitnaddaf fl-inkjesta li qed issir dwarhom.

F’okkażjonijiet separati, NET News tkellem maż-żewġ Deputati Mexxejja tal-Partit Laburista, bid-Deputat Prim Ministru Chris Fearne jserraħ rasu li l-inkjesta qed issir.

Madankollu, jibqa’ ma jieħux pożizzjoni dwar jekk Mizzi u Schembri għandhomx jirriżenjaw. Wara l-mistoqsijiet ta’ NET News, id-Deputat Prim Ministru baqa’ jaħrab domandi oħrajn tal-ġurnalisti sakemm ħareġ minn ġol-kamra.

Anke d-Deputat Mexxej Laburista l-ieħor, il-Ministru Chris Cardona, ħass li kellu jserraħ moħħ in-nies li qed issr l-Inkjesta f’sinjal ċar li dan hu l-messaġġ ġdid li ngħata lilhom minn Kastilja.

Iżda mistoqsi direttament jekk Konrad Mizzi u Keith Schembri għandhomx iwarrbu mill-pożizzjoni tagħhom sakemm titlesta l-Inkjesta, Cardona wieġeb li m’għandhomx għalfejn jitwarrbu “bl-ebda mod”.

Meta kien fl-Oppożizzjoni, il-Partit Laburista kien wiegħed tolleranza zero għall-korruzzjoni u kien anke jitlob li esponenti tal-Partit Nazzjonalista li jkunu mqar ġew interrogati mill-Pulizija għandhom iwarrbu mill-pożizzjoni tagħhom.

Qabel l-2013 kien ikun il-PM stess li kien jitlob lil dawn il-persuni biex iwarrbu sakemm isimhom joħroġ nadif. U dan għall-kuntrarju ta’ issa, meta l-Prim Ministru qed jibqa’ jiddefendi akkost ta’ kollox lil Konrad Mizzi u lil Keith Schembri.