Lokali

16-il jum ta’ attivitajiet dwar il-vjolenza domestika

Is-Skiet mhux risposta. Din hi t-tema ewlenija ta’ kampanja sabiex titqajjem kuxjenza kontra l-vjolenza bbażata fuq il-ġeneru u vjolenza domestika.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Ugwaljanza Helena Dalli qalet li l-kampanja Maltija tingħaqad ma’ dik ta’ diversi pajjiżi madwar id-dinja magħrufa bħala 16 Days of Activism – attivitajiet li jibdew mill-Ħadd 25 ta’ Novembru, li hu l-Jum Dinji għall-Eliminazzjoni tal-Vjolenza kontra n-nisa u l-bniet, u l-Ħadd 9 ta’ Diċembru, il-Jum Dinji dwar id-Drittijiet tal-Bniedem.

Il-ġlieda kontra l-vjolenza abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika trid tkun indirizzata minn diversi fronti u hi katina li tinvolvi diversi persuni fosthom il-Pulizija, it-Tobba, il-membri tal-Ġudikatura, is-Social Workers u anki l-media.

Il-Ministru Helena Dalli irreferiet ukoll għall-istatistika li kienet ippubblikata il-Ġimgħa stess, fejn mara minn kull 6 issofri xi forma ta’ vjolenza domestika u minn dawn, waħda minn kull tliet biss tirrapporta dan ir-reat.

Fuq kollox iżda, hemm bżonn bidla fil-mentalita’ u l-Ministru kkundannat kummenti ta’ individwu fil-konfront ta’ Deputat Laburista.

F’Ottubru tas-sena li għaddiet, Tony Zarb kien għajjar lil numru ta’ nisa attivisti li kienu qed jipprotestaw quddiem Kastilja bħala prostituti u kien stedinhom immorru fi Strada Stretta.

L-Attivitajiet jiġu fi tmiemhom f’Mixja nazzjonali il-Ħadd 9 ta’ Diċembru minn Blata l-Bajda sal-Belt Valletta.