Lokali

Black Friday – Tradizzjoni li bdiet fl-1952

Black Friday hi tradizzjoni li bdiet fl-1952 u ħafna iqisuha bħala l-bidu tal-festi tal-Milied. Fil-verita’, din il-ġurnata hi tradizzjoni li tiġi ċċelebrata fl-Istati Uniti u hi marbuta mat-thanksgiving.

Folol ta’ nies f’diversi stati Amerikani sfidaw il-kesħa u ħonqu l-istabbilmenti sabiex jibbenefikaw mill-iskontijiet kbar tal-Black Friday.

It-tradizzjoni tal-Black Friday infirxet mill-Istati Uniti ghar-Renju Unit u eventwalment fil-bqija tal-pajjiżi Ewropej….inkluż f’pajjiżna, hekk kif aktar ma jgħaddi ż-żmien Black Friday aktar qed isir aktar popolari.

Għal min jaħseb kmieni biex jixtri r-rigali tal-Milied hi ġurnata ideali biex dak li jkun jifranka xi ħaġa tal-flus. Dan hekk kif il-ħwienet ibigħu prodotti u servizzi differenti mraħħsa b’mod sostanzjali.

F’Tas Sliema, il-Belt Valletta, il-Mosta, Raħal Ġdid u f’lokalitajiet oħra ċerti ħwienet fetħu fis-6 ta’ filgħodu sa tard filgħaxija. Saħansitra ċerti promozzjonijiet se jibqgħu għaddejjin tul tmiem il-ġimgħa wkoll. Dan sabiex jakkomodaw firxa iktar wiesgħa ta’ konsumaturi speċjalment dawk li jmorru biex jixtru wara l-ħin tax-xogħol.

Ma jonqsux ukoll dawk li anke jieħdu l-ġurnata franka mix-xogħol biex żgur igawdu l-Black Friday. Filfatt kienu bosta dawk li ddeċiedew li jbakkru kmieni sabiex ikunu minn ta’ quddiem fil-kju ta’ diversi stabbilimenti. Interessanti l-fatt li l-iżjed persuna li marret tistenna kmieni wara ħanut kien fil-11:00 tal-bieraħ filgħaxija.

Għalkemm dehru xi kjus, filghodu s-sitwazzjoni kienet waħda mexxejja. U ftit kien hemm traffiku aktar min-normal. Is-sitwazzjoni inbidlet aktar tard wara nofsinhar, bit-traffiku jiżdied b’mod konsiderevoli.

Intant, il-Black Friday kienet imtappna fl-Istat Amerikan ta’ Alabama fejn żagħżugħ ta’ 21 sena inqatel u tnejn oħra sfaw midruba fi sparatura.

Dawk li kienu qed jixtru dehru terrorizzati hekk kif instemgħu tiri ta’ arma tan-nar f’suq ewlieni.

L-awtoritajiet qalu li l-isparar seħħ għall-ħabta tad-9.30 tal-Ħamis filgħaxija f’subborg viċin ta’ Birmingham. L-aggressur inqatel mill-Pulizija.

Il-persuna l-oħra iddaħlet l-isptar tbati minn grieħi serji. F’dan l-inċident kienet midruba wkoll tifla ta’ 12-il sena li ntlaqtet mit-tiri tal-isparatura.