Il-Prim Ministru tar-Renju Unit, Theresa May, qed twissi li pajjiżha mhux se jingħata ‘ftehim aħjar’ mill-Unjoni Ewropea f’każ li d-deputati fil-Parlament ta’ Londra jiċħdu l-ftehim li rnexxielha tilħaq ma’ Brussell.
Intant, ir-rapporti qalu li s-summit tal-Mexxejja tal-UE bil-għan li jiffirmaw għall-ftehim għandu jsir xorta, għada, minkejja l-issues dwar it-territorju ta’ Ġibiltà li ‘għadhom mhumiex solvuti’.
Meta kienet qed titkellem f’sessjoni ta’ phone-in fuq Radio5Live tal-BBC, May sostniet li sitwazzjoni fejn il-Parlament ta’ Londra (ix-xahar id-dieħel) jivvota kontra l-ftehim twassal biss għal ‘aktar diżgwid u inċertezza’. U meta xi ħadd staqsiha jekk hi għandhiex xi ‘Pjan B’ f’każ li l-Parlament ma jaċċettax il-ftehim, hi wieġbet li ‘xogħolha hu li twassal għall-Brexit skont ma vvutaw il-Britanniċi’.
Il-Prim Ministru għażlet li tuża r-radju bħala eżerċizzju ta’ persważjoni fir-rigward tal-ftehim għall-Brexit li qegħdin jopponu ħafna membri tal-Partit Konservattiv ( ta’ May) fil-Gvern flimkien mal-Partit Laburista fl-Oppożizzjoni.
Intant, Theresa May, fil-jiem li ġejjin, se tagħmel minn kollox biex tirbaħ l-appoġġ tad-deputati f’Londra anki waqt li ‘tispjega l-merti’ tal-ftehim lill-poplu.
Theresa May qalet li ‘il-ftehim jinsab fil-qrib’ wara li r-Renju Unit u l-UE, f’nofs il-ġimgħa, qablu, fi prinċipju, ‘dwar il-qafas tar-relazzjonijiet futuri’ u fejn kien imfassal kif, ‘il quddiem, għandhom jaħdmu l-issues għall-kummerċ, is-sigurtà u aspetti oħra. Id-dokument tal-Ħamis dwar ir-relazzjonijiet futuri ( magħruf bħala ‘political declaration’) ma jorbotx minn lat legali iżda għandu jservi bħala punt tat-tluq għal negozjati dwar il-kooperazzjoni ladarba r-Renju Unit joħroġ mill-UE.
Sadanittant, Spanja qed tinsisti biex isiru l-bidliet tal-aħħar minuta għall-ftehim dwar il-Brexit u dment li hi ma tingħatax ‘il-garanziji’ dwar Ġibiltà; it-territorju taħt is-sovranità tar-Renju Unit. Madankollu, l-ebda pajjiż waħdu ma jista’ jintervjeni u jtellef il-ftehim għall-Brexit f’dan l-istadju,
Intant, il-futur ta’ Ġibiltà u t-30,000 resident tiegħu ( li 96 fil-mija tagħhom ivvutaw biex jibqgħu fl-UE fir-referendum tal-2016) jibqa’ kunċett delikat, bi Spanja tikkuntesta t-tmexxija Britannika tal-penisola li ilha 00 sena, Dan fost it-tħassib dwar kif l-istatus politiku u r-rabtiet ekonomiċi ta’ Ġibiltà ma’ Spanja se jkunu affettwati mill-Brexit.
//= $special ?>

