Edukazzjoni Lokali

Bżonn ta’ sistema edukattiva li tiftaħ il-moħħ

Hemm bżonn li s-sistema edukattiva tagħna ma tkunx biss waħda li timla’ l-moħħ, iżda aktar, waħda li tiftaħ il-moħħ.

Hekk qal is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista u Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni Clyde Puli meta kien qed jindirizza Konferenza dwar l-importanza tal-Edukazzjoni sa minn età bikrija, organizzata mil-Lisa Marie Foundation.

Fil-preżenza tal-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca u l-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo, Clyde Puli qal li konferenza bħal din hi ta’ għajnuna għall-għalliema daqskemm għall-ġenituri.

Hu tenna li bla dubju, is-snin tal-Edukazzjoni Obbligatorja jħallu l-akbar impatt fuq l-iżvilupp tat-tfal. Madankollu, irrikonoxxa li l-iżvilupp mentali ta’ kull tifel u tifla, fil-verità jibda minn ħafna qabel – saħansitra sa mill-ewwel snin wara t-twelid.

Clyde Puli qal li l-proċess ta’ soċjalizzar mit-tfal hu wkoll parti importanti mill-iżvilupp, speċjalment fi ħdan il-familja.

Anke l-Edukazzjoni informali, bħall-isports u l-għaqdiet soċjali jew fil-komunità, hi importanti għal kull tifel u tifla daqskemm hi importanti l-Edukazzjoni formali. Dawn kollha jħallu impatt pożittiv fuq it-tfal.

Filwaqt li appella fuq il-ħtieġa ta’ aktar metodi biex it-tfal ikunu aktar parteċipi fi ħdan il-familja, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni qal li hu importanti li mhux biss nisimgħu lit-tfal, iżda aktar minhekk, li nagħtu kas dak li jgħidu. Dan anke jgħin lil kull tifel u tifla meta jikbru u jkollhom bżonn jiddiskutu.

Clyde Puli rringrazzja lil-Lisa Marie Foundation għall-organizzazzjoni ta’ din il-Konferenza għax qal li din tgħin biex tinħoloq aktar kuxjenza fost dawk kollha li jaħdmu qrib it-tfal.