Lokali

Ikomplu jitnaqqru r-responsabilitajiet tal-Kunsilli Lokali

Hija ta’ diżappunt kbir l-aħbar li s-swieq miftuħin tneħħew mir-responsabbilità tal-Kunsilli Lokali. Hija tal-mistħija wkoll kif Ministru wara ieħor qegħdin qishom f’kompetizzjoni bejniethom min minnhom huwa l-iżjed kapaċi li jieħu l-iktar responsabilitajiet mingħand il-Kunsilli Lokali u jgħaddihom lura għand il-Gvern. Hija tal-mistħija ukoll kif mhux biss il-Gvern jieħu aktar responsabilitajiet mingħand il-Kunsilli Lokali iżda lanqas biss jikkonsulta magħhom u jinjorhom għal kollox kif ġara f’dan il-każ ukoll. Sostna dan il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar il-Kunsilli Lokali, il-Komunitajiet u l-Fondi Ewropej, Robert Cutajar.

Dan m’huwiex kaz iżolat ta’ teħid tar-responsabilitajiet iżda huwa wieħed minn sensiela ta’ responsabilitajiet li ttieħdu mingħand il-Kunsilli Lokali kemm ilu l-Partit Laburista fil-Gvern. Matul din l-aħħar sena biss, il-Kunsilli Lokali raw ir-responsabbilità tal-Gwardjani Lokali titlaq minn idejhom kif ukoll it-toroq kollha tal-lokalitajiet u dan apparti l-esklużjoni totali minn eżerċizzji oħrajn bħal fit-tqassim tal-kontenituri tal-iskart riċiklat.

Dan kollu qed iseħħ meta l-Kunsilli Lokali qegħdin jiċċelebraw il-25 sena mit-twaqqif tagħhom. Hija ironija li f’anniversarju li suppost tant iġib ferħ, qegħdin niċċelebraw dan kollu f’xenarju ta’ tnaqqis ta’ poter wara l-ieħor għall-Kunsilli Lokali.

X’sens tagħmel ir-riforma li qed jipproponi l-Gvern ghall-Kunsilli Lokal meta f’nifs jitkellem fuq riforma imbagħad permezz tad-diversi Ministri qegħdin jinsterqu r-responsabilitajiet minn idejn il-Kunsilli Lokali. Dan l-agir għandu jieqaf immedjatament u l-Gvern m’għandux ikompli jirredikola l-Kunsill Lokali u l-awtorità tagħhom. Il-Kunsilli Lokali u l-Kunsillieri, huma ta’ liema partit huma, għandhom l-appoġġ tal-Partit Nazzjonalista u se jsibu lill-istess partit bħala tarka għal dan l-aġir sfaċċat u sistematiku tal-Gvern kontra l-eżistenza tal-Kunsilli Lokali.