Grupp ta’ irġiel armati attakkaw il-konsulat taċ-Ċina fil-belt ta’ Karachi fejn inqatlu talanqas erba’ persuni. Intant, il-pulizija li wieġbu għall-attakk qatlu tlieta mill-aggressuri li wara kienu identifikati bħala militanti separatisti li qed jopponu l-proġetti tal-investiment taċ-Ċina fil-Punent tal-Pakistan.
Id-drama bdiet meta numru ta’ armati pruvaw jidħlu fil-konsulat u ma ħallewhomx il-gwardjani li kienu għassa ma’ checkpoint tal-kumpless. L-ewwel xhieda li rrappurtaw dwar l-iżviluppi rreferew għal ‘splużjoni li seħħet ftit wara’, bir-rapporti aktar tard jikkonfermaw li tnejn mill-maqtula fl-attakk kienu uffiċjali tal-pulizija.
Intant, fl-aħħar sigħat żdiedet il-preżenza tal-pulizija fil-madwar tal-konsulat bl-aċċessi kollha għaz-zona jingħalqu.
Filwaqt li l-membri kollha tal-istaff tal-konsulat Ċiniż kienu rappurtati ‘qawwijin u sħaħ’ wara l-attakk, iċ-Ċina ma naqsitx milli tikkundanna l-aggressjoni mingħajr riservi. Dan waqt li l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin f’Beijing sejjaħ għal aktar miżuri li jipproteġu liċ-ċittadini Ċiniżi fil-Pakistan.
Il-grupp separatista bl-isem ‘Armata għal-Liberazzjoni ta’ Balochistan’ assuma responsabbiltà għall-attakk, meta l-entità partikulari hi waħda biss fost diversi gruppi separatisti li għandhom il-bażijiet fil-provinċja (ta’ Balochistan).
//= $special ?>

