Internazzjonali

Il-qtil ta’ Khashoggi: ‘L-ebda konklużjoni dwar il-ħtija’

Jamal Khashoggi

Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, qal li s-servizzi sigrieti tas-CIA (Amerikana) ma konkludewx li l-Prinċep Mohammed bin Salman tal-Arabja Sawdija ordna l-qtil tal-ġurnalista, Jamal Khashoggi, li seħħ fit-2 ta’ Ottubru ġewwa l-konsulat tas-Sawdi f’Istanbul, fit-Turkija.

L-uffiċjali Amerikani, skont ir-rapporti, qalu li ‘azzjoni bħal dik kellha tirrikjedi l-approvazzjoni tal-Prinċep’, iżda l-Arabja Sawdija kompliet tinsisti li l-ġurnalista –kritiku tal-Gvern Sawdi – ‘kellu jitlef ħajtu f’ċirkustanzi li l-pajjiż ma kellux kontroll fuqhom’.

Meta l-ġurnalisti fi Florida staqsew lil Trump dwar l-evalwazzjoni tal-każ mis-CIA, hu sostna li ‘ma kien hemm l-ebda konklużjoni’ li tikxef il-ħtija. Il-President Amerikan qal ukoll li ‘ma jafx jekk xi ħadd ikunx jista’ jikkonkludi li r-reat twettaq mill-Prinċep’.

Il-kummenti ngħataw waqt li Salman kien qed jibda żjara reġjonali fil-Lvant Nofani, bl-ewwel waqfa tkun fl-Emirati Għarab Magħquda. Din hi l-ewwel żjara uffiċjali ta’ Salman barra pajjiżu mindu sar magħruf il-qtil tal-ġurnalista li xokkja lid-dinja.

Il-Prinċep anki mistenni jieħu sehem f’laqgħa tal-Mexxejja tal-G20 li ssir fl-aħħar tax-xahar fl-Arġentina u li se jattendu għaliha, fost oħrajn, il-Mexxejja tal-Istati Uniti, it-Turkija u diversi pajjiżi tal-Ewropa.

Sadanittant, Franza ħabbret li qed timponi s-sanzjonijiet għal 18-il nazzjonal Sawdi li huma l-istess individwi suġġetti għal sanzjonijiet min-naħa tal-Istati Uniti, ir-Renju Unit u l-Ġermanja u li allegatament huma marbutin mal-qtil ta’ Khashoggi. Intant, qed jingħad li l-lista tas-sanzjonijiet minn Franza ‘ma tinkludix lill-Prinċep Salman’.