Atletika Sport

It-tim Malti tal-Atletika promoss għat-Tieni Diviżjoni

It-tim nazzjonali Malti ġie promoss għat-Tieni Diviżjoni. Dan tħabbar uffiċjalment f’komunikat lill-atleti u l-uffiċjali mill-President tal-Malta Amateur Athletics Association – Edwin Attard. Il-promozzjoni hija riżultat tal-aħħar każijiet ta’ doping minn atleti mill-Bożnija Herzegovina kif tħabbar fl-istess komunikat, wara li l-assoċjazzjoni Maltija kienet notifikata mill-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Atletika.

Fl-aħħar Kampjonati li kienu saru fl-24 u 25 ta’ Ġunju tas-sena l-oħra, Malta kienet falliet bi ftit punti milli tkun fost wieħed mit-tliet pajjiżi fost it-tnax-il pajjiż li kien hemm fit-Tielet Divizjoni.

B’riżultat ta’ dan, il-Bożnija Herzegovina ġew relegati għat-Tielet Diviżjoni u eventwalment Malta ġiet promossa biex tieħu sehem fil-Kampjonat tat-Tieni Diviżjoni li għandu jsir f’ Varazdin fil-Kroazja bejn l-10 u l-11 ta’ Awwissu tas-sena d-dieħla. Il-11-il pajjiż l-ieħor fit-Tieni Divizjoni huma l-Awstrija, il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru, id-Danimarka, l-Estonja, il-Georgia, l-Iżrael, il-Latvja, il-Lussemburgu u s-Slovenja.