Lokali

L-inkjesta dwar 17 Black infetħet wara li bdew jaslu għand il-Gvern il-mistoqsijiet ta’ Reuters

Il-pulizija ilha taf b’17 Black sena u nofs u baqgħet m’għamlet xejn

L-inkjesta dwar il-kumpanija 17 Black issejħet biss wara li uffiċjali tal-Gvern bdew jirċievu mistoqsijiet mill-Aġenzija Reuters li rnexxielha tistabilixxi li l-kumpanija 17 Black miftuħa f’Dubai, hi ta’ wieħed mid-diretturi tal-Electrogas, il-kumpanija li ħadet il-kuntratt tal-powerstation tal-gass għal 18-il sena.

Dan kien żvelat ukoll fil-programm ta’ NET Television ‘Sorsi Infurmati’ aktar kmieni din il-ġimgħa.

Il-pulizija ilha taf bl-eżistenza tal-kumpannija 17 Black l-fuq minn sena u nofs, iżda dwarha qatt m’għamlet xejn. Sena ilu, permezz ta’ emails li waslu għand Daphne Project, sirna nafu li 17 Black kienet target client tal-kumpaniji ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri, iżda l-Pulizija baqgħet m’għamlet xejn.

Kien biss wara li ġie stabbilit mill-ġurnalisti ta’ Reuters li 17 Black hi tad-direttur tal-Electrogas li l-Pulizija talbet li tinfetaħ inkjesta inkiss inkiss.

Kien fuq insistenza tal-Kap tal-Oppożizzjoni u Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, fil-Parlament, li l-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici, kellu jammetti li ftit tal-ġimgħat ilu il-pulizija talbet lill-Maġistrat Charmaine Galea biex tinfetaħ inkjesta dwar il-kumpannija 17 Black li kienet irreġistrata f’Dubai u li minnha għaddew mat-8 miljun Ewro fi flus.

Kieku ma kinitx għall-insistenza tal-Kap Nazzjonalista kieku għadna ma nafu xejn dwar din l-inkjesta. Bħalma, s’issa, għadna ma nafux x’inhuma t-termnini tal-inkjesta u x’qed tipprova tistabilixxi l-Maġistrat Galea.
Fil-każ tal-inkjesta tal-Egrant, kien ċar x’qed jinvestiga l-Maġistrat Aaron Bugeja. Anke fl-inkjesta li qed tmexxi l-Maġistrat Natasha Galea Schiberras nafu li qed tinvestiga jekk ic-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri ixxaħħamx mill-bejgħ tal-passaporti Maltin.

U fl-inkjesta li sa ftit tal-ġranet ilu l-appella dwarha kien quddiem l-Imħallef Antonio Mizzi wkoll huwa ċar x’inhu t-terminu tal-inkejsta li tikkonċerna dak li ħareġ mill-Panama Papers.
Iżda dwar din l-inkejsta 17 Black, li nżammet mistura, ma nafux x’qed tinvestiga eżatt il-Maġistrat Charmaine Galea.

17 Black hija kumpannija privata. Saret popolari f’ħalq kulħadd għaliex il-Ministru Konrad Mizzi u ċ-chief of staff tal-Prim ministru Keith Schembri għażlu li jsemmu 17 Black bħala ‘target client’ tal-kumpanniji sigrieti tagħhom fil-Panama. Li ma kienx għal Panama Papers la nafu b’Tillgate ta’ Konrad Mizzi, la nafu b’Hearnville ta’ Keith Schembri u l-anqas nafu b’17 Black. Kieku kollox għadu mistur u kieku l-Konrad Mizzi u Kweith Schembri qed jirċievu mingħand 17 Black 150,000 fix-xahar, 5,000 ewro kuljum.

U kieku kollox kien above board, ma kienx ikun hemm bżonn li tissejjaħ inkjesta. Kieku m’hemmx is-suspett li dawk il-flus m’humiex ġejjin minn commissions b’korruzzjoni, maħsula f’17 Black, biex jaslu għand Mizzi u Schembri, kieku ma kenitx tissejjaħ inkjesta.

Allura ġaladarba l-Pulizija ħasset li kellha titlob lill-Maġistra Galea biex tiftaħ inkjesta, mela hemm ix-xamma tal-korruzzjoni, li anke jekk ma tiġix ipprovata, jibqa’ l-fatt li kien hemm l-intenzjoni ta’ ħasil ta’ flus – reat punibbli bil-liġi.

U la hemm bażi fuq xiex tinfetaħ inkjesta dwar 17 Black, mela l-pożizzjoni politika ta’ Konrad Mizzi bħala Ministru żgur li mhux tenibbli.

Fil-każ ta’ Keith Schembri, li mhux elett mill-poplu, huwa l-Prim Ministru Joseph Muscat li qed iwaqqa’ l-ġebla fuq saqajh billi jżommu fil-kariga li għandu u ma jitolbux biex iwarrab. Ir-responsabbiltà politika hi ta’ Joseph Muscat mhux ta’ Keith Schembri.

Ħaddiema normali, fil-post tax-xogħol tagħhom jiġu sospiżi jekk ikun hemm suspett dwarhom, iżda Keith Schembri jista jibqa’ għaddej qisu mhux hu, għax ma jista’ għalih ħadd.

Issa Jospeh Muscat qed jistaħba wara l-inkjesta li ssejħet biss biex isservi ta’ paraventu u ttawwal iżjed iż-żmien biex ma jieħux deċiżjoni politika u jneħħi lil Keith Schembri u Konrad Mizzi.