Lokali

Mogħtija ċ-Ċertifikat tal-Honoris Causa

Fil-Knisja tal-Ġiżwiti, fl-Università l-Antika, inżammet iċ-Ċerimonja tal-Għoti tal-Grad Honoris Causa lil sitt persuni: Claudia Taylor East, Dr Francis M.E. La Ferla, Edwin Lanfranco, Rev Dr Alfred Darmanin, il-Professur David M. Boswell u Dr Gauden Galea.

Waqt iċ-ċerimonja, ippreseduta mill-Kanċillier tal-Università ta’ Malta il-Professur Alfred Vella, Claudia Taylor East kienet rikonoxxuta għat-tmexxija eżemplari, l-attiviżmu soċjali u l-innovazzjoni li dejjem uriet fil-kura tas-saħħa, fosthom bħala pijunier fl-iżvilupp tas-servizzi tal-kura paljattiva, is-servizzi tal-kura tas-saħħa mentali fuq l-internet u s-servizzi ta’ volontarjat fl-Isptarijiet ta’ Malta.

Dr Francis M.E. La Ferla kien rikonoxxut għall-ħidma tiegħu biex is-settur tas-Saħħa u s-Sigurtà fil-Post tax-Xogħol kien stabbilit u segwit mill-qrib bħala suġġett akkademiku, ta’ riċerka u prattika professjonali, f’pajjiżna u barra minn Malta. Hu kien rikonoxxut ukoll talli fost l-oħrajn ddistingwa ruħu internazzjonalment b’karriera fl-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa u entitajiet oħra relatati mas-Saħħa u s-Sigurtà.

L-Honoris Causa ngħatat ukoll lil Edwin Lanfranco talli ddedika ħajtu għall-istudji dwar l-ekoloġija lokali u Mediterranja. Hu kien irrivoluzjona t-tagħrif dwar il-Flora Maltija meta skopra għadd ta’ speċi ġodda, li wħud minnhom kienu endemiċi, filwaqt li rreveda ħafna oħrajn. Kien ukoll wieħed mill-pijunieri fil-moviment ambjentali f’pajjiżna, fejn segwa t-tkabbir anke fi żminijiet diffiċli.

Min-naħa tiegħu, Rev Dr Alfred Darmanin kien rikonoxxut talli kien pijunier fl-introduzzjoni tad-dixxiplina fil-Psikoloġija, kif ukoll biex ikun stabbilit id-Dipartiment tal-Psikoloġija fl-Università ta’ Malta. Dan billi ħarreġ lill-ewwel ġenerazzjoni ta’ Psikologi, li huma stess iħarrġu lill-professjonisti futuri fil-ħidma tagħhom. Hu kien rikonoxxut ukoll talli fost l-oħrajn żied il-kuxjenza fil-benesseri personali u dwar kwistjonijiet ta’ saħħa mentali fis-soċjetà Maltija.

Il-Professur David M. Boswell kien rikonoxxut għas-servizzi b’risq dixxiplina lejn ix-xjenzi soċjali u fit-tmexxija ta’ dak li kien id-Dipartiment tal-Ekonomija u l-Istudji Soċjali fl-Università ta’ Malta. Barra minhekk, hu kien ukoll pijunier fl-Edukazzjoni Ogħla, kif ukoll fit-trawwim tal-intelletwalità fost l-istudenti biex jistudjaw lin-nies fis-soċjetà, filwaqt li joħloq mentalità vibranti fix-xjenza soċjali.

U Dr Gauden Galea kien onorat għall-viżjoni tiegħu bħala mexxej akkademiku fl-Università ta’ Malta, fost l-oħrajn bil-ħolqien tal-Istitut għall-Kura tas-Saħħa, li eventwalment sar il-Fakultà tax-Xjenzi Mediċi. Hu kkontribwixxa wkoll għall-politika lokali u internazzjonali tas-Saħħa bi pjani innovattivi, strateġiji u kollaborazzjonijiet. Il-ħidma tiegħu waslet ukoll biex inħatar Ambaxxatur u Konsulent tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa għall-abbiltajiet u l-kompetenzi tiegħu fuq livell internazzjonali.