Raġel armat li fetaħ in-nar fuq ix-xerrejja li kienu qed igawdu mill-iskonti tal-Black Friday ġo ċentru kummerċjali ta’ Alabama nqatel mill-pulizija li wieġbu minnufih għall-inċident.
Ix-xerrejja li kienu qed ifittxu għall-‘bargains’ f’dan il-jum partikulari għall-kummerċ spiċċaw jaħarbu f’paniku wara li l-armat beda jispara fuq in-nies fir-Riverchase Galleria, fl-inħawi ta’ Hoover.
Ladarba s-sitwazzjoni inġiebet taħt kontroll kien ikkonfermat li talanqas żewġ persuni sfaw midruba, bl-awtoritajiet jgħidu li s-sitwazzjoni setgħet żvolġiet ħafna agħar minn hekk.
L-indikazzjonijiet kienu li qabel l-isparatura, l-aggressur kien involut fi ġlieda kbira ma’ żgħażugħ fil-kumpless. Jidher ukoll li l-aggressur f’daqqa waħda ‘tilef kull sens ta’ kontroll’ u spara lejn iż-żgħażugħ, b’tifla ta’ 12-il sena wkoll tintlaqat mit-tiri wara li spiċċat ‘fil-post ħażin’.
Ir-rapporti mhumiex ikkonfermati rreferew ukoll għal ‘numru oħra ta’ sparaturi’ fl-inħawi iżda d-dettalji kienu xi ftit konfużi.
Iż-żgħażugħ li kien qed jiġġieled mal-aggressur spiċċa midrub u ttieħed l-isptar f’kundizzjoni serja. Il-kundizzjoni tat-tifla (li wkoll ittieħdet l-isptar) ma kenitx magħrufa, għalkemm hi kienet irrappurtata bħala ‘konxja u kapaċi li titkellem ma’ qrabatha’.
Intant, l-ewwel pulizija li kkonfronta lir-raġel armat waqt il-kaos sparalu tiri fatali, bl-aggressur imut fuq il-post.
It-terrur seħħ meta l-kumpless kien miftuħ sa tard għall-avveniment ta’ Thanksgiving u meta l-posts kien iffullat bix-xerrejja.
Sadanittant, l-awtoritajiet issa qalu li ‘ma kienx hemm aktar periklu għall-membri tal-komunità’.
//= $special ?>

